Internazzjonali

‘Logħba’ ġdida fuq Facebook qed twerwer lill-ġenituri

Żgħażagħ fi Franza qed iġennu lill-ġenituri tagħhom bl-inkwiet wara li, milli jidher, qed jieħdu sehem f’logħba rreklamata fuq Facebook, li fiha jgħibu għal 72 siegħa mingħajr ma javżaw lil ħadd, speċjalment lill-membri tal-familja tagħhom.

Il-każ ħareġ wara li Emma, tfajla ta’ 13-il sena, għebet għal tlett ijiem sħaħ, il-ġimgħa li għaddiet, u meta rritornat id-dar ma riditx tgħid lill-Pulizija jew lill-qraba fejn kienet marret imma żvelat biss li ħadet sehem f’din l-isfida.

Fuq Facebook issa, numru ta’ ġenituri qed jitfgħu avviżi biex iwissu lil xulxin biex joqgħodu attenti f’każ li uliedhom jgħibu għal xi sigħat. Qed jiġu mħeġġa jitkellmu ma’ wliedhom u jispjegawlhom li aħjar ma jgħaddux mill-isfida milli li jagħmluha u jispiċċaw f’sitwazzjoni ta’ periklu.

Milli jidher, il-“logħba” qed tipproponi sfida ta’ 12, 24 jew saħansitra 72 siegħa, bħal fil-każ tat-tfajla Emma.

Il-Pulizija Franċiża qalet li din il-logħba ssegwi dik tas-sena li għaddiet, li kienet tisfida żgħażagħ żgħar biex jintefgħu fi xmajjar jew fil-baħar inkella jkollhom iħallsu ikla lil min ikun innominahom.