Il-Grupp Bank of Valletta nhar il-Ħamis ħabbar profitt qabel it-taxxa ta’ €58.8 miljun għall-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja 2015.
Dan ifisser żieda ta’ €8 miljuni, jew 16%, fuq il-profitti rreġistrati fl-ewwel nofs tas-sena l-oħra.
Dak li jissejjaħ il-Core Operating Profit kien ta’ €42.9 miljun, li wkoll huwa żieda fuq l-€40.6 miljun tal-istess perjodu sena qabel. Dawn ir-rapporti finanzjarji kienu reveduti mill-KPMG Malta.
Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati pożittivi, il-Bord tal-BOV iddikjara Interim Dividend Gross ta’ €0.039 għal kull sehem, li huwa ekwivalenti għad-dividend tas-sena l-oħra.
Id-dividend se jitħallas fis-27 ta’ Mejju lill-azzjonisti fuq ir-Reġistru tal-Membri tal-Bank.
Mir-riżultati finanzjarji li ħabbar il-Bank of Valletta joħroġ li l-marġini tal-interessi jammonta għal €71.1 miljun, li jfisser titjib ta’ 15% fuq is-sena ta’ qabel, u hu dovut fil-biċċa l-kbira għall-volumi ogħla tad-depożiti.
Id-dħul nett mill-Kummissjonijiet u Trading kompla juri titjib fuq il-prodotti kollha tal-Bank b’żieda ta’ 14%. Kienu l-oqsma tal-assigurazzjoni bankarja, in-negozju tal-credit cards, is-servizzi relatati mal-investiment u n-negozju tal-kambju l-kontributuri ewlenin li wasslu għal dan ir-riżultat.
Is-sehem tal-Grupp mill-profitti tal-kumpaniji assoċjati, jiġifieri l-MSV Life plc u Middlesea Insurance plc kien jammonta għal €7.8 miljun, waqt li l-ispejjeż tal-operat għall-ewwel sitt xhur tal-2015 kienu jammontaw għal €54.6 miljun li huwa ekwivalenti għal żieda ta’ 17%.
L-assi totali tal-bank fil-31 ta’ Marzu 2015 kienu fil-livell ta’ €9 biljun, meta f’Settembru li għadda kienu jammontaw għal €8.3 biljun.
Is-self nett żdied b’€122 miljun, jew 3%, fuq l-aħħar sitt xhur għal €4 biljun, bi tkabbir irreġistrat fl-oqsma kollha. Is-self fuq id-djar baqa’ l-fattur ewlieni wara dan it-tkabbir.
Matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-Bank of Valletta kompla jirreġistra wkoll tkabbir fid-depożiti tal-klijenti li issa jlaħħqu is-€7.8 biljun.
Waqt li kien qed jikkummenta fuq ir-riżultati, iċ-Chairman tal-Grupp BOV John Cassar White tkellem dwar l-isfidi li ffaċċja l-Bank matul dawn l-aħħar sitt xhur. Dawn kienu jinkludu livelli ogħla ta’ likwidità u tensjonijiet politiċi u soċjali fir-reġjun tal-Mediterran li ħallew ukoll l-impatt tagħhom. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni lokali kompliet tiħrax f’numru ta’ linji tan-negozju.
Il-Bank, qal Cassar White, qed ifittex li jegħleb kemm dawn l-isfidi kif ukoll dawk futuri permezz ta’ strateġija li tinkludi t-trasformazzjoni tal-proċeduri tan-negozju, ibbażata fuq tibdil fis-sistemi tal-IT.
L-għan hu li l-BOV ikun f’pożizzjoni li joffri servizz ta’ kwalità ogħla u aktar effettiv lill-klijenti, b’aktar flessibbiltà. Fl-istess waqt, se jfittex li jsaħħaħ il-karta tal-bilanċ tiegħu billi jgħolli l-livelli tal-kapital u jintroduċi riformi biex titjieb il-kwalità tas-self.
Iċ-Chairman iddeskriva dawn l-inizzjattivi bħala fundamentali għall-istrateġija tal-Bank għall-ħames snin li ġejjin
//= $special ?>