Puttinu Cares se jkun qed jimmarka l-11-il anniversarju tiegħu b’maratona tal-futbol li se ddum għal 60 siegħa. Il-maratona, mifruxa fuq tlett ijiem, bejn it-8 ta’ Mejju u l-10 ta’ Mejju, se tara s-sehem ta’ xejn inqas minn 800 tim, li se jkunu qed jisfidaw, wieħed lill-ieħor, fil-grounds tal-Marsa.
Kollox sew jibda b’quddiesa ċċelebrata fid-9am nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju, bis-sehem ta’ mijiet ta’ tfal minn skejjel differenti, kif ukoll diversi personalitajiet distinti. L-ewwel daqqa tal-ballun se tingħata fl-10am, mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, u żagħżugħ ta’ 17-il sena li għeleb il-marda tal-kanċer. Filgħaxija, imbagħad, se jkun organizzat party b’kanzunetti mis-snin 80 u 90.
Il-jiem tas-Sibt u l-Ħadd se jkunu mimlija attivitajiet għall-familja kollha, fosthom b’funpark u logħob animat għat-tfal.
Il-maratona se tkun qed tintwera wkoll fuq l-internet, permezz ta’ webcams apposta, bl-għan li tagħti ċans lil persuni minn madwar id-dinja biex jipparteċipaw. Se tkun qed tintwera wkoll fuq l-istazzjonijiet TVM u TVM2, ONE TV, NET TV, Xejk u SMASH TV.
Matul din l-istess maratona, se jkun żvelat ukoll proġett ġdid li Puttinu Cares qed iħejji għall-ġejjieni.
//= $special ?>