Lokali

Simon Busuttil jiltaqa’ mal-ħaddiema tal-Betsson għal Jum il-Ħaddiem

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu żar il-kumpanija Betsson biex jiltaqa’ mal-ħaddiema, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem. B’kollox din il-kumpanija timpjega madwar 700 persuna, fil-maġġoranza tagħhom barranin, għalkemm timpjega wkoll anke Maltin li jahdmu f’dipartimenti differenti tal-kumpanija.

Simon Busuttil qal li kumpaniji li jaħdmu fis-settur tal-Gaming, bħalma hi l-Betsson, għenu biex il-viżjoni li kellu l-Gvern Nazzjonalista f’dan is-settur saret realtà. Dan hekk kif il-Gaming hu qasam li jikkontribwixxi b’mod qawwi fl-ekonomija Maltija u hu anke parti mill-futur tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Matul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat ukoll mit-tmexxija tal-kumpanija, li min-naħa tagħhom urew apprezzament għall-impenn politiku li dejjem intwera f’dan is-settur.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għall-Partit Nazzjonalista Jum il-Ħaddiem ifisser li jkun hemm opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd. Madankollu, illum f’pajjiżna għandna r-realtà li l-ġid komuni, bħalma huma l-opportunitajiet ta’ xogħol, mhumiex jingħataw bl-istess mod lil kulħadd. Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni se tkompli taħdem biex tkun indirizzata din ir-realtà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, l-Gaming u l-IT Kristy Debono.