Ambjent Għawdex Lokali

Skola Għawdxija għandha bżonn il-vot tagħna biex tirbaħ premju internazzjonali

Il-Kulleġġ tal-Primarja Tas-Sannat f’Għawdex, li hija skola li tħaddan prinċipji ekoloġiċi, produċiet music video dwar dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni tal-ambjent. Dan il-filmat rebaħ l’hekk imsejjħa “Eco School Video Competition” u issa tinsab fost diversi finalisti fl-“International World Days of Action Competition”, fejn qed tirrapreżenta lill-pajjiżna f’kompetizzjoni diretta ma’ numru ta’ pajjiżi oħrajn.

Filwaqt li l-video jippromwovi l-prinċipju tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-affarijiet, bħala mezz biex jitnaqqas l-iskart, l-istudenti jidhru wkoll jirranġaw ġnien abbandunat fl-istess skola, u li issa qed tintuża biex jitkabbru ħxejjex u fjuri. Dan fost bosta temi oħrajn, kollha b’rabta mal-ambjent, li l-istess video qed ifittex li jindirizza.

Madankollu, l-istudenti għandhom bżonn l-għajnuna tal-pubbliku Malti u Għawdxi biex jingħataw l-ewwel premju fost il-videos kollha li wasslu f’dan l-istadju tal-kompetizzjoni. Biex tivvota b’risq l-isforz ta’ dawn l-istudenti, tista’ żżur is-sit u tagħfas fuq il-ħames stilla fil-parti fejn jidher il-video Malti: http://eco-schools-projects.org/wda/winner-videos/