Fost l-impenji ppjanati hemm żjara li se jagħmel dalgħodu l-President Ġermaniż fiċ-Ċentru Miftuħ tal-immigranti irregolari fil-Marsa. Gauck mistenni jiltaqa’ wkoll mal-NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam
Il-President Ġermaniż Joachim Gauck, akkumpanjat mis-sieħba tiegħu l-ġurnalista Ġermaniża Daniela Schadt, ilbieraħ filgħaxija waslu Malta għal żjara statali ta’ jumejn.
L-impenji uffiċjali tal-President tal-Ġermanja f’pajjiżna bdew b’ċerimonja uffiċjali ta’ merħba f’Misraħ San Ġorġ fil-Belt Valletta għall-ħabta tal-5.30pm malli wasal Malta.
Wara, il-President u s-sieħba tiegħu daħlu fil-Palazz tal-President fejn sar skambju ta’ rigali u dekorazzjonijiet qabel ma l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u dak Ġermaniż Joachim Gauck kellhom taħditiet uffiċjali bejniethom. Fi tmiem il-laqgħa ż-żewġ Kapijiet ta’ Stat taw il-kummenti lill-ġurnalisti.
Illum, fit-tieni jum taż-żjara f’Malta, il-President tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jibda l-attivitajiet uffiċjali tiegħu b’laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Palazz ta’ San Anton, fejn jinsab alloġġjat.
Wara, għall-ħabta tal-10am, il-President ta’ Malta u dak Ġermaniż se jżuru l-proġett ‘Buddy Bear’ organizzat fil-Kitchen Garden tal-Palazz ta’ San Anton mill-Ambaxxata Ġermaniża f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President.
Minn hawn, il-President Gauck l-ewwel se jżur iċ-Ċentru Miftuħ fil-Marsa u wara se jiltaqa’ ma’ numru ta’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu mal-immigranti irregolari f’pajjiżna.
Kmieni waranofsinhar il-President Gauck se jieħu sehem f’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri mal-Monument tal-Gwerra fil-Furjana.
Ftit wara, imbagħad, il-President Joachim Gauck jintlaqa’ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja għal skambju ta’ rigali u ritratt uffiċjali u wara, il-President, akkumpanjat mill-Prim Ministru Joseph Muscat l-ewwel iżuru l-Barrakka ta’ Fuq u wara l-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Illejla, fil-5.30pm, se jagħmel żjara ta’ korteżija lill-President tal-Ġermanja fil-Palazz ta’ San Anton il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li se jkun segwit mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.
Is-sieħba tal-President Ġermaniż, Daniela Schadt, għandha ppjanat programm separat ta’ impenji li jinkludi żjara li se tagħmel dalgħodu lis-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati (JRS) f’Birkirkara, u iktar tard waranofsinhar żjara fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) f’Kordin.
Il-President Gauck u s-Sinjura Schadt iħallu Malta lejn Berlin illejla fis-7.30pm wara li ssir ċerimonja formali tat-tluq fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li tkun ippreseduta mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
//= $special ?>