LA LIGA: Fi tmiem il-ġimgħa l-isfida bejn Barcelona u Real Madrid tkompli hekk kif għada l-Katalani jilagħbu barra minn darhom kontra Cordoba u Real jilagħbu barra minn darhom kontra Sevilla. Barcelona bħalissa għandhom vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Real u għal tmiem il-kampjonat fadal erba’ partiti. Bla dubju l-konfront ta’ Real Madrid hu aktar diffiċli minn dak ta’ Barcelona.
Matul il-ġimgħa Real komplew isegwu lil Barcelona meta rebħu 3-0 kontra t-tim li qed jirriskja li jkun relegat, Almeria filwaqt li Barcelona, jum qabel kienu ġabu fix-xejn lil Getafe meta għelbuhom 6-0.
Kemm Barcelona kif ukoll Real, ġimgħa oħra se jkunu impenjati fl-ewwel leg tas-semi finali taċ-Champions League. Barcelona jilagħbu kontra Bayern Munich filwaqt li Real jiltaqgħu kontra Bayer.
Il-gowlkiper ta’ Real Iker Casillas qal li kemm hu kif ukoll il-partitarji jippreferu s-suċċess fl-Ewropa minn dak fi Spanja. “Jekk wieħed janalizza s-sitwazzjoni jintebaħ li għandna aktar ċans li nirbħu ċ-Champions League milli l-kampjonat. Jien nippreferi nirbaħ iċ-Champions League. Fil-kampjonat, nirbħu kemm nirbħu, id-destin m’huwiex f’idejna. L-erba’ timijiet li fadal fiċ-Champions League kollha għandhom l-istess ċans li jirbħu t-titlu. Il-partitarji tagħna wkoll dejjem ippreferew li nirbħu ċ-Champions League milli l-kampjonat. Barra minn hekk, jekk nirbħu ċ-Champions League insiru l-ewwel tim li jkun rebaħ il-kompetizzjoni darbtejn infila,” qal Casillas.
Ta min jiftakar li Sevilla, wara l-logħba kontra Real huma wkoll impenjati fis-semi finali tal-Europa League nhar il-Ħamis kontra Fiorentina.
//= $special ?>