Lokali

Daqshekk pulizija mal-uffiċċji distrettwali tas-Servizzi Soċjali

…biex issa s-sigurtà għaddiet f’idejn kumpanija li s-sid tagħha hu persuna qrib ħafna tal-Partit Laburista

L-uffiċċji distrettwali tas-Servizzi Soċjali li fil-gżejjer Maltin insibu minnhom total ta’ 24, minn nhar it-Tnejn li ġej 4 ta’ Mejju se jisbħu mingħajr is-sigurtà li kienu jipprovdulhom membri tal-Korp tal-Pulizija għaliex issa r-responsabbiltà tas-sigurtà ta’ dawn l-uffiċċji se tkun qed tingħata f’idejn kumpanija privata li toffri servizzi tas-sigurtà.

Il-kumpanija hija Kerber Securities li l-proprjetarju tagħha mhu ħadd ħlief Ronnie Axisa – persuna magħrufa sew fil-kamp Laburista u li hija qrib ħafna tal-Partit Laburista.

Għal snin twal il-pulizija offrew dan ix-xogħol b’mod professjonali – xogħol li kien iwassal biex il-membri tal-Korp jitħallsu xi ħaġa ‘extra’. Imma issa dan se jieqaf b’mod immedjat f’dik li kollox jindika li hija mossa biex ikun aġevolat xi ħadd ieħor meqjus bħala tal-qalba.

Sorsi qrib MaltaRightNow.com sostnew li dan ifisser daqqa ta’ ħarta kbira lill-membri tal-Korp li kienu jtejbu l-paga tagħhom billi kienu jagħmlu dawn is-sigħat żejda għassa ma’ dawn l-uffiċċji li wħud minnhom huma magħrufin għas-sitwazzjoni, xi kultant ta’ tensjoni, li tinqala’ minn żmien għal żmien minħabba n-natura tagħhom. Fil-fatt, mhux darba u tnejn li f’każi bħal dawn kien ikollhom jintervjenu l-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Mit-Tnejn li ġej is-sigurtà se tkun f’idejn Kerber Securities, li s-sid tagħha Ronnie Axisa kien l-aġent tal-PL li ġie skortat ’il barra miċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti mill-pulizija wara l-ġlieda li nqalgħet dakinhar tal-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet lokali

Interessanti wkoll li din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata mal-ħaddiema u l-pulizija li jaħdmu f’dawn l-uffiċċji nhar l-Erbgħa 29 ta’ April, jiġifieri lejlet l-aħħar jum li kellhom jaħdmu f’dawn l-uffiċċji minħabba li llum l-uffiċċji tal-Gvern ma jiftħux minħabba li hija festa.

Ronnie Axisa, il-proprjetarju ta’ Kerber, hu bniedem qrib ħafna tal-Partit Laburista tant li kien wieħed mill-aġenti tal-Partit Laburista li dakinhar tal-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fit-18 ta’ April li għadda kienu involuti fl-argument li nqala’ bejn l-aġenti Laburisti fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.

Axisa saħanistra kellu jiġi ġie skortat ’il barra mis-sala tal-għadd tal-voti fejn anke deher fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni jibqa’ jirreżisti lill-pulizija.

S’issa għadu mhux magħruf jekk il-Pulizija ħaditx passi kontrih dakinhar li seħħew dawn l-inċidenti.
Skont is-sit elettroniku ta’ Kerber Securities Ltd – li jelenka lil Ronnie Axisa bħala l-uniku Direttur – l-istess Axisa għandu esperjenza ta’ 26 sena u ħa t-taħriġ tiegħu f’Dublin fl-Irlanda u anke fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Is-sit jgħid li l-kumpanija tiegħu tipprovdi varjetà sħiħa ta’ servizzi tas-sigurtà lil klijentela kbira f’Malta, inkluż fil-qasam tad-divertiment lil diversi nightclubs.

Is-sorsi tagħna li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com dwar il-bidla fis-sigurtà pprovduta mal-uffiċċji tas-Servizzi Soċjali qalulna li issa jinsabu mħassbin dwar x’se jiġri meta tqum xi ġlieda f’xi wieħed minn dawn l-uffiċċji.

Huma staqsew jekk jinqala’ każ bħal dan humiex se jintervjenu biss dawn il-ħaddiema tal-kumpanija ta’ Ronnie Axisa jew inkella hux se jkollhom jissejħu xorta waħda l-pulizija.