“L-impenn tiegħi hu pagi tajbin għall-ħaddiema tagħna f’ekonomija ta’ kwalità u soċjetà ġusta. Ejja nkomplu noħolqu l-ġid, imma ejja naraw ukoll li l-ġid li noħolqu jitqassam bejn kulħadd b’mod ġust.”
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.
Hu qal li l-ewwel ta’ Mejju hu Jum il-Ħaddiem kif ukoll Jum is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea u dawn imorru flimkien għax fl-aħħar ħdax-il sena il-ħaddiema Maltin u Għawdxin infetħulhom bibien kbar għal opportunitajiet ġdda. F’setturi ġodda, li fi ftit żmien saru pilastri tal-ekonomija tagħna: il-gaming, is-servizzi finanzjarji, u l-avjazzjoni – li llum iħaddmu l-eluf.
Simon Busuttil saħaq kemm hu sabiħ li jinħolqu setturi ġodda, għax jinħolqu impiegi ġodda u għax joħolqu aktar ġid iżda wissa li għandu jkun hemm attenzjoni biex mill-ġid li jinħoloq igawdi kulħadd, speċjalment b’pagi aħjar u kundizzjonjiet aħjar.
Żied jgħid li għad hawn wisq ħaddiema li jitħallsu pagi baxxi jew li jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena, prekarji. Dawn għandhom igawdu mill-ġid ukoll u mhux jibqgħu l-art. Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li sa sentejn ilu l-paga medja kienet tiżdied ħames mitt euro fis-sena, iżda fl-aħħar sentejn il-paga medja żdiedet anqas minn mitejn euro fis-sena. Għalhekk in-nies qed iħossu għafsa fuq il-paga.
Simon Busuttil semma kif fl-aħħar baġit ingħatat l-anqas żieda f’dawn l-aħħar tletin sena – 58 ċenteżmu. Temm jgħid li dan mhux tqassim ġust tal-ġid u min qiegħed fuq pagi baxxi għandu jingħata sehem aħjar mill-ġid li qed jinħoloq. Saħaq li m’għandiex tinħoloq differenza bejn min qiegħed igawdi u min baqa’ hemm taħt.
//= $special ?>