Lokali Saħħa

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil iżur il-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Il-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed jesperjenzaw mument ta’ inċertezza kbira minħabba l-iżviluppi tal-aħħar xhur dwar il-post tax-xogħol tagħhom.

Dan ħareġ waqt żjara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel lill-management u l-ħaddiema li jaħdmu fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex fl-okkażjoni ta’ Jum il-ħaddiem.

Matul iż-żjara ltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ pazjenti li kienu rikoverati f’dan l-isptar li fl-aħħar snin fih sar investiment qawwi, fost l-oħrajn bl-inawgurazzjoni ta’ dipartimenti ġodda bħal tar-radjoloġija fl-2011 u dawk tal-kirurġija u l-bone density fl-2013.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li f’dan l-isptar qed jissemma li se ssir ħidma mill-iskola medika Barts li taghmel parti mill-Universita’ St Mary’s ta’ Londra. Imma minkejja li ħarġet din l-aħbar, l-informazzjoni dwar x’se jsir eżatt hi minima. Tant hu hekk li għall-ewwel il-gvern ħabbar li se jsir investiment, meta l-istess Dekan tal-Universita’ mhux se jsir l-ebda investiment kapitali sinifikanti.

Barra minn hekk, bħalissa qed jingħad li l-Isptar Ġenerali t’Għawdex se jkun privatizzat. Madankollu l-ħaddiema ta’ dan l-isptar ma jafux x’se jiġri minnhom u lanqas ingħataw garanzija li dawn ix-xnigħat humiex vera jew le.

Simon Busuttil wissa’ lill-Gvern li l-ħaddiema ta’ dan l-isptar għandhom il-familji li jridu jgħajjxu, u li f’xogħol tant importanti bħal dak fil-qasam tas-saħħa, ma nistgħux naffordjaw l-inċertezza.

Filwaqt li dar lejn il-ħaddiema, Simon Busuttil irringrazzjahhom tax-xogħol tagħhom li jirrikjedi dedikazzjoni u sens ta’ missjoni, u ta’ dan il-poplu Malti u Għawdxi kollu għandu jkun grat. Kompla li rridu nkomplu ngħarfu d-diffikultajiet li dawn il-ħaddiema jaffaċjaw quddiemhom kuljum, u ssir ħidmau sabiex flimkien ikompli jitjieb is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna, speċjalment fil-gżira t’Għawdex.

Għal din iż-żjara attendew ukoll is-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, u membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia, ix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg, il-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ryan Mercieca kif ukoll Kevin Cutajar .