L-ewwel tlett xhur tas-sena raw żidiet qawwija fil-prezz tal-ishma ta’ kważi l-indiċi Ewropej kollha. Dan il-fenomenu rajnieh ukoll fl-Istati Uniti. Madankollu April kien xahar li fih l-indiċi naqsu fil-valur u naqsu sew minn dik ir-rankatura li konna rajna fl-ewwel kwart tas-sena. Bosta jattribwixxu dan għal fatt li jkun hemm min jiġbed xi profitti li għamel.
Jidher ukoll li ġewwa ir-Renju Unit, bosta nies biegħu l-investimenti tagħhom hekk kif qed toqrob l-elezzjoni. Fl-aħħar jiem rajna wkoll nuqqas fil-valur tal-ishma ta’ kumpaniji fil-bioteknoloġija.
L-ishma ta’ Fiat niżlu 6% fil-valur din il-ġimgħa. Kienet ġimgħa iebsa ferm ukoll għal ST Microelectronics li ħabbret nuqqas ta’ profitti. Dan kien rifless f’telf ta’ 14% fil-valur tal-ishma ta’ din il-kumpanija. Il-kumpanija Finlandiża Nokia kellha riżultati negattivi u b’hekk l-ishma fl-aħħar jiem ħadu daqqa l’isfel ta’ 8%.
Madankollu kien hemm xi aħbarijiet pożittivi fl-Ewropa bħal fatt li wara seba’ snin, Spanja kellha tkabbir żgħir fl-ekonomija. Hemm indikazzjonijiet li l-Greċja tista’ tkompli tkun fiz-zona ewro. Il-bank Ingliż Lloyds Banking Group ra żieda ta’ 21% fil-profitti fl-ewwel kwart tas-sena.
Sadattant il-prezz tal-bonds baqa’ wieħed għoli ferm meta mqabbel mal-aħħar snin.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.
//= $special ?>