Fi stqarrija l-GWU ħabbret li ftheim bejn il-GWU u l-Malta Public Transport se jkun qed jevita strajk fit-trasport pubbliku.
Il-GWU qalet li hi solviet it-tilwima li kellha mal-Malta Public Transport dwar qtugħ li din tal-aħħar kienet qed tagħmel mill-pagi tal-ħaddiema, u għaldaqstant, il-GWU irtirat l-azzjonijiet inkluż strajk fit-trasport pubbliku li kien maħsub għal għada s-Sibt.
It-tilwima ġiet riżolta wara li l-Malta Public Transport ikkommettiet ruħha li tħallas lura l-flus dovuti lill-inġiniera fl-10 ta’ Mejju u lix-xufiera fis-17 ta’ Mejju.
Il-GWU qalet li dan il-ftehim intlaħaq waqt laqgħa twila lbieraħ waranofsinhar bejn uffiċjali tal-GWU immexxija mis-Segretarju Ġenerali Tony Zarb u uffiċjali għolja tal-Malta Public Transport. Matul l-istess laqgħa l-punti kollha li qajmet il-GWU ġew aċċettati mill-Malta Public Transport.
Il-GWU kompliet tgħid li ż-żewġ naħat qablu wkoll li jibdew immedjatament it-taħditiet għal ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema b’impenn li dan jiġi konkluż matul ix-xahrejn li ġejjin. Min-naħa tagħha l-kumpanija ddikjarat ukoll li se tibqa’ tagħraf lill-GWU bħala l-union rikonoxxuta fil-Malta Public Transport fir-rigward ta’ kwistjonijiet kollettivi.
//= $special ?>