Lokali

Ma jitkellimx dwar is-€13,000 fix-xahar għall-mara tal-Ministru u l-58ċ għall-ħaddiema

F’diskors politiku f’Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jsemmi xejn dwar l-inqas żieda li l-poplu Malti qatt ingħata – dik ta’ 58 ċenteżmu

Dwar uħud mill-aktar suġġetti li dwarhom qed jitkellem il-poplu Malti, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma semma xejn, waqt diskors politiku li għamel fiż-Żejtun f’Jum il-Ħaddiem.

F’diskors ta’ nofs siegħa Joseph Muscat naqas milli jitkellem dwar il-mod kif fl-aħħar baġit, il-Gvern Laburista mmexxi minnu ta l-inqas żieda f’dawn l-aħħar tletin sena – ta’ 58 ċentezmu biss. L-anqas ma tkellem dwar il-mod kif fl-istess ħin, il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi qed tingħata €13,000 fix-xahar – għal xogħol li ħadd ma jaf x’qed tagħmel.

Minkejja li ħadd ma jaf x’qed tagħmel jew minn fejn qed topera, s’issa, il-mara tal-Ministru Mizzi tħallset €275,000 mit-taxxi tal-ħaddiema.

Fid-diskors tiegħu Joseph Muscat injora kompletament il-fatt li sa’ sentejn ilu l-paga medja kienet tiżdied €500 fis-sena, iżda fl-aħħar sentejn, taħt it-tmexxija tiegħu, il-paga medja żdiedet anqas minn €200 fis-sena. Minkejja dan, għall-Prim Ministru, il-Gvern Laburista għandu jdejh fuq il-polz tal-poplu.

Nofs id-diskors, Muscat iddedikah għan-nofsinhar ta’ Malta, u filwaqt li fl-ebda ħin ma rrefera għat-tanker tal-gass li se jpoġġi fil-bajja ta’ Marsaxlokk, qal li minn issa, il-Gvern se jitfa’ ħarstu fuq din il-parti ta’ Malta. Kien hawn li ħabbar park nazzjonali naturali fin-nofsinhar ta’ Malta.

Joseph Muscat qal li l-Gvern irid jibqa’ saqajh mal-art, għax għad hawn min għadu qed jitlef ix-xogħol, min mhux isib xogħol u li għad hawn nies fuq xogħol prekarju.

Ritratt: Arkivji