Kurżitajiet Lokali

Madwar 2,000 mudell f’esebizzjoni waħda

L-Association of Model Engineers għal sena oħra qed terġa’ ttella l-esebizzjoni annwali tal-mudelli fl-Oratorju tan-Naxxar, li fetħet is-Sibt 25 t’April u li tibqa’ sejra sal-Ħadd it-3 ta’ Mejju.

Fl-esebizzjoni, wieħed jista’ jgawdi s-sbuħija ta’ madwar elfejn mudell, minn ħdax il-kategorija differenti – minn ajruplani militari u kummerċjali, sa’ vetturi militari u kummerċjali, minn biċċiet tal-baħar sa’ mudelli ta’ xeni fittizji mix-xjenza u l-ispazju. Minn sistemi ta’ tram, sa’ mudelli ta’ robots, figuri u mudelli oħra ta’ kull xorta.

B’kollox, l-Association of Model Engineers għandha madwar 100 membru minn kull qasam tal-ħajja, fosthom membri iżgħar taħt is-sittax-il sena, li għalihom, l-Assoċjazzjoni torganizza korsijiet u kompetizzjonijiet.

Bħala parti mill-esebizzjoni ssir ukoll kompetizzjoni għall-membri li jissottomettu l-mudelli tagħhom. Min iżur l-esebizzjoni jkun jista’ wkoll jara numru ta’ entużjasti jħejju numru ta’ mudelli filwaqt li tingħata wkoll spjegazzjoni ta’ dak li jkunu qed jagħmlu.

Id-dħul għal din l-esebizzjoni hi b’xejn, u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd 3 ta’ Mejju. Kulljum, l-esebizzjoni tiftaħ fid-9 ta’ filgħodu u tibqa’ miftuħa sat-8 ta’ filgħaxija.