Tmiem il-ġimgħa itwal mis-soltu minħabba l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, wasslet biex il-Ġimgħa inħoloq kaos fit-traffiku lejn Għawdex.
Matul il-ġurnata fiċ-Ċirkewwa nġema serbut twil ta’ karozzi minkejja li l-Gozo Channel operat shuttle service b’żewġ vapuri jaħdmu fl-istess ħin.
Is-sitwazzjoni tant iggravat li għall-ħabta tal-għaxra ttieħdet id-deċiżjoni li l-vetturi lejn Għawdex jiddawru mit-triq ta’ Paradise Bay. Dan wassal biex is-serbut ta’ karozzi mill-Gozo Channel baqa’ sejjer sa ħdejn il-boathouses tal-Għadira.
Dan wassal ukoll biex karozzi tal-linja lejn iċ-Ċirkewwa weħlu fit-traffiku u għal xi ħin waqgħu lura saħansitra b’iktar minn nofs siegħa. F’postijiet bħall-mellieħa għal xi ħin inġemgħu numru kbir ta’ persuni jistennew tal-linja għaliex dawn jew ittardjaw jew bdew jgħaddu mimlija.
Minħabba t-tul ta’ ħin li damu fit-traffiku, malli bdew jaslu qrib iċ-Ċirkewwa, ħafna persuni bdew jagħżlu li jinżlu minn tal-linja u jimxu jew lejn il-vapuri jew inkella lejn il-lukandi fejn kienu alloġġjati.
Ritratti: Joseph Galea
//= $special ?>