Lokali

Anzjan isofri ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku

Raġel ta’ 69 sena sofra ġrieħi ta’ natura gravi waqt inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard, ilbieraħ għall-ħabta tal-11pm.

Hekk kif il-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun ġew infurmati bl-inċident stradali irrikorrew fuq il-post, fejn instabu żewġ vetturi tat-tip Daewoo Matiz u Ford Mondeo.

Minn stħarriġ preliminari rriżulta li d-Daewoo kienet qed tiġi misjuqa minn raġel ta’ 69 sena residenti Santa Venera fid-direzzjoni lejn Ħ’Attard, filwaqt li l-Ford kienet qed tiġi misjuqa minn ġuvni ta’ 22 sena residenti Ħaż-Żebbug, u kienet ħierġa mit-triq ta’ Ta’ Qali.

Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tieħu lill-anzjan u l-passiġġiera tiegħu l-Isptar Mater Dei għall kura medika.

Aktar tard ir-raġel ġie iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li l-passiġġiera, mara ta’ 69 sena u residenti Santa Venera wkoll, ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Is-sewwieq tal-Ford kif ukoll passiġġiera tiegħu, tfajla ta’ 17-il sena residenti Ħaż-Żebbuġ ma sofrew l-ebda ġrieħi waqt l-inċident.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.