“L-aqwa istituzzjoni demokratika f’pajjiżna issa tinsab f’bini mibni mill-Maltin.”
Hekk hu t-titlu ta’ wieħed mill-artikli, miktub mill-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Lawrence Gonzi, fil-ktieb “Dar ghall-Parlament wara 94 sena”, li għada se jkun qed jitqassam mal-gazzetta ‘il-mument’.
Fl-artiklu Lawrence Gonzi jikteb kif ġiet l-idea ta’ Parlament ġdid u jsemmi anke mumenti li qatt ma kienu ssemmew qabel biex dan il-proġett illum sar realta’.
Fil-bidu tal-artiklu Lawrence Gonzi jgħid li hu ried bini ġdid għall-Parlament Malti biex ifakkru li aħna indipendenti u li l-aqwa istituzzjoni demokratika f’pajjiżna issa se tkun qed taħdem f’bini mibni mill-Maltin u mhux minn ħakkiema tal-poplu tagħna. Mibni bil-ġebla Maltija maħduma biex tixhed il-flessibilta’ u l-kreattivita’ tagħna.
Lawrence Gonzi jikteb kif il-ħsieb li l-belt tingħata dehra ġdida kien imur lura għall-1987 meta l-Partit Nazzjonalista reġa’ lura fit-tmun tal-pajjiż.
Jikteb li fl-1989 il-Perit Renzo Piano kien ippreżenta pjan għad-daħla tal-belt wara li kien ikkummissjonat jagħmel dan sentejn qabel. Iżda dak iż-żmien kienet inqalgħet kontroversja u l-proġett baqa’ fuq l-ixkaffa.
Iżda malli Lawrence Gonzi ħa l-gurment ta’ Prim Ministru fl-2004 ipprova jara jekk Renzo Piano kienx interessat li jkompli fejn ħalla fl-1989. Għalkemm din ix-xewqa rriżultat fin-negattiv.
Iżda Lawrence Gonzi kien determinat li l-belt Valletta tinghħata wiċċ ġdid u anke esplora l-possibilta’ li jkun involut il-privat fil-proġett. Iżda hu jgħid li l-proġett ma seta’ qatt isir b’fondi privati għaliex kien proġett nazzjonali u mhux wieħed kummerċjali.
Meta l-Partit Nazzjonalista rebaħ l-elezzjoni tal-2008, Lawrence Gonzi ried li din id-darba ma jċedix għad-dubji, il-kritika, x-xettiċiżmu u dwejjaq ta’ dawk li kapaci biss jikkritikaw mingħajr ma joffru soluzzjonijiet fattibbli u raġjonevoli.
Għalhekk ftit wara r-rebħa tal-elezzjoni fl-2008, Lawrence Gonzi kien mar jiltaqa’ ma’ Piano f’Pariġi u hemm qablu li l-Belt Valletta kienet sit speċjali, imżejna bi storja unika u kien jixirqilha aħjar.
Fl-artiklu Lawrence Gonzi jikteb li l-ħolma tiegħu kienet u għadha li jara l-Palazz tal-President isir ċentru storiku tal-belt kapitali, vetrina ta’ dak li jagħmilna Maltin li minflok sit tal-Parlament isir sit li jesebixxi l-mixja tal-poplu Malti tul is-sekli.
//= $special ?>