Lokali Qorti

Il-Kummissarju tal-Pulizija ordnat jinvestiga allegazzjonijiet ta’ użu eċċessiv tal-forza

Il-Kummissarju tal-Pulizija llum ġie ordnat jinvestiga allegazzjonijiet ta’ użu eċċessiv tal-forza minn żewġ membri tal-Korp kontra raġel li ta’ dokumenti ta’ l-identita’ foloż wara li ġie arrestat għal sewqan perikoluż.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja talab lill-Kummissarju Michael Cassar sabiex jinvestiga lil Mark Tonna u David Camilleri dwar dan l-allegat każ li kien jinvolvi lil ċertu Jean Paul Aquilina.

L-allegazzjonijiet dwar l-użu ta’ forza eċċessiva saru meta Aquilina ġie mixli b’sewqan perikoluż u li naqas li jobdi ordinijiet tal-puliżija u aggressjoni kontra uffiċjali tal-Pulizija.

L-avukat tad-difiża Mario De Marco qal li Aquilina twaqqaf mill-puliżija fis-siegħa ta’ filgħodu l-Mġarr. Aquilina, skond id-difiża, ħareġ mill-karozza u koopera mal-pulizija iżda mbgħad beda argument meta Aquilina ta’ dettalji skoretti dwar l-Karta ta’ l-Identita’ tiegħu. Aquilina spiċċa sabiex ittieħed fil-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana u aktar tard l-isptar Mater Dei.

Mistoqsija għaliex ma’ saritx inkjesta mill-ewwel l-Ispettur Roderick Vella qal li l-uffiċjali in kwistjoni kien spiċċalhom ix-shift u għalhekk kienu ntitolati jmorru d-dar u jistrieħu.

Id-difiża staqsiet għaliex Aquilina ma’ tħallix jistrieħ u għaliex l-inkjesta’ ġiet posposta. L-Ispettur Vella minn naħa tiegħu wieġeb li din kienet proċedura normali.

Aquilina ingħata l-ħelsien mill-arrest u l-każ mistenni jkompli wara l-investigazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija.