Internazzjonali

Interess qawwi fl-isem potenzjali tal-Prinċipessa…

L-isem potenzjali tal-Prinċipessa li għadha kemm twieldet lid-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge qanqal interess qawwi fost il-Britanniċi li qed jistennew il-konferma uffċjali tal-għażla mill-Familja Rjali Ingliża.

L-ismijiet Charlotte u Alice qed jidhru l-favoriti mal-bookmakers fir-Renju Unit.

Sadanittant, ħadd m’hu qed jeskludi l-għażla ta’ Olivia, Victoria u Elizabeth; meta l-aħħar żewġ isimijiet, bla dubju, huma fost l-aktar famużi fl-istorja tal-Irjali Britanniċi.

Il-bookmaker ‘William Hill’ indika odds favoriti għall-għażla tal-‘Prinċipessa Charlotte’, iżda kompetituri oħra fl-industrija jemmnu li Alice ‘tista’ tkun l-għażla finali u deċiżiva’.

Intant, il-Prinċep William; id-Duka ta’ Cambridge, u martu, id-Dukessa Kate, jinsabu mat-tarbija fil-Palazz ta’ Kensington u għadhom kemm saru l-ewwel żjarat tal-membri tal-Familja Rjali u l-qraba tad-Dukessa li qed jaqsmu dan iż-żmien feliċi.

Charles, il-Prinċep ta’ Wales (u missier William) u martu Camilla, id-Dukessa ta’ Cornwall, kienu fost l-ewwel Irjali li raw lit-tarbija. Marru jarawha wkoll il-ġenituri ta’ Kate, Michael u Carole Middleton, flimkien ma Pippa li hi oħt id-Dukessa ta’ Cambridge.

Il-Prinċipessa, li twieldet nhar is-Sibt, hi r-raba eredi għat-tron tal-Ingilterra.