Internazzjonali

Jiżvelaw massakru fl-Iraq

Uffiċjali Iraqqin u tal-komunita tal-Yazidi qalu li diversi mijiet ta’ priġuniera Yazidi inqatlu mill-militanti tal-grupp ISIS, lejn il-Punent ta’ Mosul.

Stqarrija mill-Partit tal-Progress tal-Yazidi qalet li mat-300 priġunier spiċċaw massakrati fid-distrett ta’ Tal Afar, bil-Viċi-President Iraqi, Osama al-Nujaifi, ifisser l-imwiet irrappurtati bħala ‘l-frott ta’ aġir barbaru u orribbli’.

Il-Yazidi huma minoranza reliġjuża u eluf tal-membri tagħhom kienu nħatfu mill-ISIS is-sena l-oħra.

Mhux magħruf kif inqatlu l-aħħar vittmi jew għalfejn ‘il-massakru kellu jseħħ issa’.

Intant, ir-rapporti qalu li ħafna mill-vittmi kienu miżuma priġuniera f’Mosul, li qed iservi bħala l-fortizza ewlenija tal-ISIS wara li l-militanti, fl-2014, avvanzaw tul zoni sħaħ lejn it-Tramuntana u l-Punent tal-Iraq u lejn il-Lvant tas-Sirja.