Internazzjonali

L-ewwel lejl tal-Prinċipessa l-ġdida

Il-Prinċep William, Duka ta’ Cambridge, u martu, id-Dukessa Kate, qattgħu l-ewwel lejl bit-tieni tarbija tagħhom fil-Palazz ta’ Kensington, meta r-Renju Unit qed jiċċelebra t-twelid tal-Prinċipessa li isimha għadu ma tħabbarx.

Il-Prinċipessa ċkejkna hi oħt il-Prinċep Ġorġ li twieled lill-koppja sentejn ilu, u bl-aħħar rapporti jsostnu li l-membri tal-Familja Rjali u l-ġenituri tad-Dukessa kienu qed jippjanaw biex iżuru lil William u Kate f’dan iż-żmien feliċi għalihom.

Il-Prinċipessa, li twieldet nhar is-Sibt, hi r-raba eredi għat-tron tal-Ingilterra u l-poplu qed jorganizza diversi attivitajiet ta’ ċelebrazzjoni, bit-Tower Bridge ikun fost is-siti prominenti ta’ Londra li nxtegħlu bid-dwal roża fl-unur tagħha. Il-funtani ta’ Trafalgar Square u l-London Eye ukoll inxtegħlu għall-okkażjoni.

Id-Duka u d-Dukessa ta’ Cambridge se jqattgħu il-jiem li jmiss fil-Palazz ta’ Kensington u wara mistennija jmorru lura fir-residenza tagħhom, fil-proprjeta ta’ Sandringham tar-Reġina Eliżabetta li tinsab f’Norfolk.

Skont il-bookmakers, l-ismijiet Charlotte u Alice huma l-ismijiet favoriti għall-Prinċipessa waqt li qed jissemmew ukoll l-ismijiet Olivia, Victoria u Elizabeth.