F’Malta, fosthom fl-inħawi ta’ Tas-Sliema u Tignè, hawn jistkennu u joqogħdu għadd ġmielu ta’ Libjani li kienu leali – u għadhom – lejn l-eks Dittatur Muammar Gaddafi li erba’ snin ilu tneħħa mill-poter wara rivoluzzjoni mdemmija fil-Libja.
Dawn il-Libjani, li raw il-fortuna tagħhom f’pajjiżhom tisfuma fix-xejn bil-waqgħa tar-reġim tad-dittatur Muammar Gaddafi u l-familja tiegħu, ma kellhom l-ebda alternattiva oħra għajr li jaħarbu mill-pajjiż u jfittxu kenn pulti f’xi pajjiż ġar.
Wieħed mill-pajjiżi l-aktar imfittxija minn dawn il-persuni leali lejn Muammar Gaddafi kien Malta u għalhekk bosta kienu dawk li ttrasferixxew lill-familji tagħhom f’Malta.
Sorsi infurmati tajjeb dwar dan il-moviment ta’ nies qrib l-eks Dittatur Libjan qalu lil MaltaRightNow.com li waqt li fil-pajjiż kienet għaddejja r-rivoluzzjoni li eventwalment wasslet għall-waqgħa ta’ Muammar Gaddafi, bosta minn dawk qrib tiegħu fittxew kenn f’pajjiżi fil-viċin.
Dak li bosta għamlu fil-bidu kien li l-ewwel sabu postijiet siguri għall-familji tagħhom u ġabuhom hawn Malta biex jgħixu lil hinn mill-inkwiet u l-gwerra ċivili li kienet qed tinfirex u tikber fil-Libja.
Iżda l-irġiel kienu jirritornaw f’pajjiżhom biex ikompli jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-familja Gaddafi, filwaqt li jkollhom rashom mistieħha li l-familja rispettiva tagħhom tinsab f’post sigur ‘il bogħod mill-inkwiet.
Darba l-waqgħa tar-reġim ta’ Gaddafi dehret inevitabbli bosta kienu dawk li dabbru rashom u ħasbu għal rashom, anki għaliex laqħu ħasbu wkoll għall-flus li kellhom biex dawn ma jitilfuhomx u għalhekk ittrasferewhom f’kontijiet bankarji siguri.
B’dawn il-flus huma setgħu jikru jew jixtru proprjetajiet f’diversi pajjiżi ġirien, fosthom ukoll f’Malta fejn illum il-ġurnata hawn preżenza qawwija ħafna ta’ Libjani li kienu kostretti jaħarbu minn pajjiżhom.
Fl-aħħar erba’ snin is-sitwazzjoni għal dawn il-Libjani kkalmat ħafna u issa stabbilew sew lilhom infushom f’Malta tant li mhux biss addattaw għall-istil ta’ ħajja li jgħixu l-Maltin, iżda llum jiffurmaw parti sew mill-komunità Maltija.
Is-sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com jallegaw li ħafna minn dawn il-Libjani leali lejn Muammar Gaddafi huma persuni li wieħed irid joqgħod attent minnhom mhux biss għaliex taħt ir-reġim ta’ Gaddafi kienu meqjusa ta’ ġewwa u gawdew bis-sħiħ, iżda anki għaliex hemm minnhom min huma jikkunsidrawh bħala perikoluż.
Is-sorsi żiedu jgħidu lil MaltaRightNow.com li dawn in-nies baqgħu leali sal-ġurnata ta’ llum lejn l-eks Dittatur Libjan u għadhom iżommu kuntatti mal-kollegi tagħhom fil-Libja biex kemm-il darba jkun hemm nofs ċans li jkunu jistgħu jgħollu rashom, allura jagħtu d-daqqa t’id tagħhom fil-kawża tagħhom.
Nifhmu li minn żmien għal żmien kollegi ta’ dawn il-Libjani f’Malta jippruvaw joħolqu problemi fil-Libja permezz ta’ attakki terroristiċi u attivitajiet oħra biex jippruvaw jimminaw l-istabbiltà fil-pajjiż.
Is-sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fissru li fil-Libja s-sitwazzjoni hi waħda relattivament kalma, iżda minn xi daqqiet issir perikoluża għaliex in-nies li għadhom leali lejn l-eks Dittatur Muammar Gaddafi, bl-għajnuna ta’ Afrikani oħra li m’humiex Libjani iżda li jinsabu fil-Libja biex jaħarbu mill-kontinent Afrikan, iwettqu manifestazzjonijet terroristiċi u jinħbew taħt l-isem ta’ Istat Iżlamiku.
Dawk li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fissru l-konvinzjoni tagħhom li l-ħafna diskors li jingħad li fil-Libja hemm moviment qawwi ta’ Istat Iżlamiku li qeed jagħmel ħafna ħsara, fil-verità m’hux allarmanti daqstant u dak li hemm verament hu nukleu qawwi ta’ nies leali lejn Gaddafi li bl-għajnuna ta’ immigranti illegali minn pajjiżi fil-viċinanzi, minn żmien għal żmien jagħmlu atti terroristiċi biex jiddistabbilizzaw lill-pajjiż.
Is-sorsi żiedu li attwalment fil-Libja reġa’ hemm volum qawwi ta’ nies mill-Afrika li dak li jinteressahom biss hu li jaħarbu mill-kontinent Afrikan. Madankollu biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu dan il-vjaġġ lejn l-Ewropa jridu jaħdmu u jaqilgħu l-flus. Dawn il-flus huma qed jiksbuhom billi jieħdu sehem f’attivitajiet terroristiċi li jseħħu minn żmien għal żmien f’inħawi varji tal-Libja.
Hu għalhekk, żiedu s-sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com, li l-awtoritajiet tas-sigurtà f’Malta u f’pajjiżi oħra fil-Mediterran, iridu joqogħdu attenti ħafna dwar min qiegħed jirnexxielu jaqsam sal-Ewropa u jrid jimpenja ruħu li jassigura li dawk li jkunu qasmu jkunu verament immigranti irregolari ġenwini u mhux fosthom ikun hemm ġellieda perikolużi jew persuni terroristi.
Lura għas-sitwazzjoni f’Malta s-sorsi li tkellmu magħna stednuna biex filgħaxijiet immorru dawra max-xatt ta’ Tas-Sliema, The Strand, Qui-Si-Sana u anki fl-inħawi ta’ San Ġiljan, Paceville u Tignè u qalulna li hemmhekk għandna nosservaw ammont kbir ta’ familji Libjani li għadd ġmielu minnhom ġew f’pajjiżna wara l-waqgħa tal-eks Dittatur Muammar Gaddafi.
Sa issa jidher li dawn m’huma jagħtu l-ebda fastidju lill-komunità Maltija, għalkemm li minn taħt jidher li hemm konflitt dirett bejn il-Libjani li huma favur l-eks Dittatur u dawk li huma kontrih u favur il-waqgħa tiegħu mill-poter.
Sa issa ma kien hemm l-ebda inċident partikulari bejn iż-żewġ gruppi/fazzjonijiet f’Malta u jidher li hemm qbil bejniethom li jħallu lil xulxin jgħixu fil-kwiet. Imma dan ma jfissirx li dawn il-gruppi ma jsegwuwx mill-qrib il-movimenti li jkunu qed isiru.
//= $special ?>