Lokali

Muscat jorbot il-proġetti tal-Park Nazzjonali u ta’ l-universita’ l-ġdida flimkien

Il-proġetti tal-Park Nazzjonali Naturali u ta’ l-universita’ l-ġdida huma marbuta flimkien. Hekk saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat f’intervent telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista One Radio.

Muscat saħaq li l-proġett ta’ l-universita’ ser ikun lest f’4 snin min meta joħroġ il-permess. Saħaq li l-gvern kien għażel li dan il-proġett isir fin-naħa t’isfel ta’ Malta għaliex fin-naħa t’isfel ta’ Malta in-nies għandhom inqas dħul min dawk ta’ reġjuni oħra.

Muscat saħaq li dan l-investiment mhuwiex wieħed li jkerrah jew wieħed li ma tridx toqgħod ħdejh.

Madankollu huwa naqas milli jagħmel ebda referenza lejn il-proġett tal-Power Station tad-Delimara fejn l-istess gvern Laburista ser jankra b’mod permanenti tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk, eżatt faċċata l-irħula ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa.

Fl-intervent tiegħu Muscat akkuża lil gvern preċidenti bħala wieħed li kien joqgħod attent li ma jiġġieled ma’ ħadd filwaqt li saħaq li l-proġetti ta’ l-universita’ u tal-park għandhom jikkuntentaw kemm lill-iżviluppaturi kif ukoll lill-ambjentalisti.