Lokali Parlament

Pass storiku b’sinifikat qawwi u bi sfidi ġodda

M’hemmx aktar lok għal diskorsi għall-gallarija hekk kif is-seduti parlamentari se jkunu diretti fuq it-televiżjoni u l-internet

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia fisser il-binja l-ġdida tal-Parlament fid-Daħla tal-Belt bħala pass u żvilupp importanti biex il-Parlament jimxi ‘l quddiem u jkun verament awtonomu. Parlament li se jkun qed joffri trasparenza vera li dejjem emmen fiha.

F’intervista li qed tiġi ppubblikata f’edizzjoni speċjali ta’ il-mument illum, l-Ispeaker qal li dan hu pass li qed isir u li bih irridu nimxu aktar ‘il quddiem billi jkollna awtonomija parlamentari riflessa f’liġi, kif ukoll Liġi dwar l-Istandards Pubbliċi li hi importanti wkoll għall-awtonomija parlamentari u li se tara l-ħatra ta’ Kummissarju dwar l-Istandards.

L-Ispeaker fisser li l-pass storiku fl-istorja tal-Parlament għandu sinifikat qawwi ħafna u qabża kbira mingħajr preċedent. Matul l-istorja ta’ 90 sena ta’ Parlament meta beda jiffunzjoni fl-1921, qatt ma kellu l-binja tiegħu u dejjem tqiegħed f’post biex jiffunzjona u jaqdi d-doveri tiegħu.

Parlament b’indipendenza mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Gvern
Dan hu żvilupp mhux biss fil-binja li se televa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għaliex se televa wkoll id-demokrazija parlamentari, iżda wkoll tagħti lill-Parlament indipendenza mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Gvern.

L-Ispeaker saħaq li llum kulħadd qed jifhem, li m’għandniex nagħmlu ballun politiku minn din il-binja meta kulħadd jaf li l-binja se jkollha funzjoni importanti fid-demokrazija ta’ pajjiżna.

Il-President tal-Kamra fisser il-binja bħala, mhux biss moderna u mill-isbaħ, iżda meta wieħed jibda jgħixha se jħares lejn din il-Parlament il-ġdid b’responsabbiltà. Parlament miftuħ kif kienet l-idea ta’ Renzo Piano, se jagħti Parlament verament trasparenti. Parlament li mhux biss tara fih il-moviment minn barra, iżda wkoll parlament li tista’ tgħixu u li jitgawda.

Din hi karatteristika li tagħti dinjità ġdida u li l-Ispeaker sostna li jemmen fiha għaliex il-pubbliku Malti se jkollu aċċess għall-Parlament mhux biss billi jisma’ dak li jkun qiegħed iseħħ, iżda se jibda jitħaddem kanal ġdid fuq it-televiżjoni b’xandiriet tas-seduti parlamentari kollha.

L-Ispeaker fisser dawn l-iżviluppi bħala sfidi ġodda li kull membru parlamentari għandu jidħol għalihom mingħajr biża’. Sfidi li se jagħmlu lill-Parlament aktar b’saħħtu, aktar responsabbli u aktar kontabbli.

“M’hemmx aktar lok għal diskorsi għall-gallarij. Il-korrettezza u r-rispett u l-mod kif jitpoġġa d-diskors, u l-lingwaġġ li jintuża”, saħaq l-Ispeaker li kompla li se jkun problema għal dak il-membru parlamentari li jpoġġi lingwaġġ parlamentari mhux xieraq għalkemm dejjem ikun hemm il-protezzjoni tas-sedja.

Parlament li se jkun qed joffri trasparenza vera li dejjem emmen fiha. Dan hu pass li qed isir u li bih irridu nimxu aktar ‘il quddiem billi jkollna awtonomija parlamentari riflessa f’liġi, li diġà hemm abbozz tagħha u qiegħda f’idejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Tama li l-Parlament ikollu baġit għalih u pjan kull tliet snin
Esprima t-tama li din is-sena l-Parlament, bis-saħħa ta’ din il-liġi, jingħata aktar poteri biex ikun verament awtonomu billi jkollu l-baġit tiegħu u pjan ta’ kull tliet snin li jkun diskuss fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra.

Fisser li wasal iż-żmien ukoll li ssir diskussjoni dwar il-mod kif isir ix-xogħol tal-Parlament u jekk il-Parlament għandux ikollu deputati full-time jew le. L-Ispeaker hu tal-fehma li wasal iż-żmien li d-diskussjoni tirrifletti wkoll l-għażla tad-deputat jekk ikunx full-time jew kif inhi s-sitema llum.

Intervista dettaljata fil-pubblikazzjoni speċjali li qed tiġi ppubblikata llum ma’ il-mument.