Lokali Parlament

Pass storiku li għandu jwassal għal qabża kwalitattiva fix-xogħol tal-Parlament

Meħtieġa għodda u strutturi ġodda biex id-deputati jesegwixxu l-funzjoni u r-responsabbiltajiet parlamentari fl-interess nazzjonali

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, appella biex flimkien mal-qabża fil-kwalità tal-istruttura tal-binja tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt, il-Parlament jagħmel ukoll qabża oħra kwalitattiva u jagħti l-għodda u l-istrutturi meħtieġa biex id-deputati parlamentari jesegwixxu l-funzjoni u r-responsabbiltajiet parlamentari fl-interess nazzjonali.

Dan l-appell sar lejlet il-pass importanti fl-istorja tal-Parlament Malti, il-ftuħ tal-Parlament ġdid bl-ewwel seduta fil-bini l-ġdid se ssir għada t-Tnejn. F’intervista ma’ il-mument, ippubblikata llum, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, qal li dan il-pass importanti jrid isir ukoll biex ma jkunx hemm aktar distinzjoni bejn membri parlamentari nazzjonali u dawk fil-Parlament Ewropew.

Bżonn ta’ riċerkaturi għall-Membri Parlamentari
Appella għall-bżonn ta’ riċerkaturi biex f’liġijiet speċjalizzati u li jinħtieġu studji u ħafna dettall biex titfassal liġi, il-membri parlamentari anke fil-Parlament Malti jgħinu lid-deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra.

Spjega li din l-għodda u l-istruttura li trid tinħoloq fil-Parlament Malti wkoll, ma jfissirx li tkun marbuta ma’ xi deputat, iżda b’riċerkaturi tal-Parlament biex id-deputati kollha jkunu jistgħu jwettqu l-funzjoni importanti fil-Parlament nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ dan il-pass li jrid isir, Mario de Marco spjega li tibqa’ d-distinzjoni bejn membri parlamentari nazzjonali u dawk fil-Parlament Ewropew li għandhom l-għodda kollha.

Appella biex niffesteġġjaw din il-binja ġdida u importanti tal-Parlament il-ġdid mhux biss bil-binja nnifisha iżda wkoll bl-għodda u bl-istrutturi li jaħdem il-Parlament nazzjonali.

Xandir dirett tas-seduti parlamentari
Mistoqsi dwar l-iżvilupp tax-xandir tas-seduti parlamentari, il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan hu żvilupp li għandu wkoll jgħin biex jirresponsabbilizza lid-deputati parlamentari. Irrimarka wkoll li ħafna mis-seduti jkun hemm deputati li jkunu qegħdin jiddibattu quddiem strangers gallary vojta u bi ftit deputati. Dan l-iżvilupp għandu wkoll jgħolli l-livell tad-dibattiti fil-Parlament.

Mario de Marco tkellem fit-tul dwar il-plenarja l-ġdida fil-Parlament il-ġdid, u fissirha bħala ppjanata fuq stil triangulari, b’anqas konfrontazzjon u stil aktar Ewropew. Il-binja tolqtu mmens għaliex la hi binja klassika u lanqas mhi wisq moderna bħalma nsibu f’ħafna bliet oħra moderni mimlija ħġieġ u li ħafna minnhom ikunu ripetittivi.

Parlament mibni b’ġebla Maltija fuq stil modern iżda bi stil tradizzjonali
Mario de Marco spjega wkoll id-deċiżjoni li ħa Gvern Nazzjonalista mmexxi mill-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi, meta kellu viżjoni li l-Parlament joħroġ mill-bini tal-Palazz tal-President u ddeċieda li l-istituzzjoni tal-Parlament tiġi lokalizzata fis-sit fid-Daħla tal-Belt b’viżjoni wkoll li tiġi riġenerata d-Daħla tal-Belt u s-sit tat-Teatru Rjal. Dwar il-binja tal-Parlament il-ġdid, Mario de Marco qal li Renzo Piano applika u ħoloq disinn komtemporanju, iżda fl-istess ħin bil-karatteristika tal-ġebla Maltija – il-ġebla li tqattgħet u nħadmet f’Għawdex. Ġebla Għawdxija b’kulur ħamrani.

Parlament tan-nies u miftuħ għan-nies
Mario de Marco fisser ukoll li d-demokrazija mhix tad-deputati parlamentari biss. Id-demokrazija hi tan-nies. Dan hu Parlament tan-nies u għandu jkun miftuħ għan-nies. L-aspett tas-simboliżmu għandu jirbaħ fuq l-aspett tas-sigurtà.

Żball li l-monti jkun mal-Parlament
Mitlub jikkummenta dwar id-deċiżjoni ta’ dan il-Gvern li jittrasferixxi l-monti u l-bankarelli fit-triq maġenb il-binja importanti tal-Parlament, Mario de Marco fisser li wasal iż-żmien, u appella lill-Gvern, biex tittieħed deċiżjoni finali biex il-monti jkollu spazju u post definit. Esprima l-konvinzjoni tiegħu li d-deċiżjoni għall-ispazju li għażel il-Gvern maġenb il-Parlament hi żbaljata. La hi tajba għall-bejjiegħa tal-monti u lanqas għall-Parlament.

Oppożizzjoni serja li qed tagħmel id-differenza
Ikkummenta wkoll dwar id-differenza li qed twettaq l-Oppożizzjoni kemm fil-ħidma tagħha fil-Parlament kif ukoll bl-istil u l-proposti li qed tressaq bħala Oppożizzjoni li turi li hi gvern alternattiv.

Fid-dawl tar-riżultati miksuba mill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet lokali ta’ April, Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni qed tagħmel differenza b’diversi modi, fosthom ukoll bl-iskrutinju li qed tagħmel fil-Parlament fuq il-Gvern.

Mario de Marco qal li l-Gvern qiegħed jinjora lill-Oppożizzjoni billi ma jweġibx il-mistoqsijiet u ma jagħtix l-informazzjoni mitluba. L-għajta tat-trasparenza li tela’ biha dan il-Gvern, ma tirriflettix fir-risposti tal-Gvern li jagħti fil-Parlament. L-Oppożizzjoni mhix se taqta’ qalbha quddiem dan l-atteġġjament tal-Gvern.

Mario de Marco qal li n-nies qed tirrealizza li l-Oppoizzjoni qed tkun Oppożizzjoni serja. Oppożizzjoni wkoll li mtliet bil-kuraġġ bir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali fejn il-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk mill-Partit Laburista fil-Gvern bin-nofs – u żied il-voti b’14,000 vot.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco fisser dan ir-riżultat bħala pass ‘il quddiem u importanti fil-ħidma kontinwa li qed iwettaq il-Partit Nazzjonalista bħala Oppożizzjoni serja u kredibbli.

Intervista sħiħa f’il-mument tal-lum.