Lokali Parlament

Aġġornata (4) b’filmat: Inawgurat il-Parlament il-ġdid fid-daħla tal-Belt

Aġġornata b’ritratti u filmat: Tibda l-ewwel seduta fil-bini tal-Parlament il-ġdid

6:00pm:

L-ewwel seduta tal-Parlament bdiet tiltaqa’ ftit minuti ilu preseduta mill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.

Fost dawk preżenti fil-Kamra jsegwu s-seduta mill-istrangers gallery, hemm l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi, eks-Speakers u eksmembri parlamentari, li segwew ukoll iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt. Agħfas hawn għal iktar dettalji mill-ewwel seduta fil-Parlament il-ġdid.

5:30pm:

Jiġu fi tmiemhom id-diskorsi tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-bini l-ġdid tal-Parlament.

“Il-bini l-ġdid għandu jkun il-post minn fejn joħroġ il-ġid u tissaħħaħ id-demokrazija” – il-President.

Agħas hawn għal dettalji mid-diskors tal-President Marie Louise Coleiro Preca f’diskors waqt l-inawgurazzjoni tal-bini tal-Parlament il-ġdid.

“Il-bini l-ġdid se jsaħħaħ l-awtonomija tal-Parlament” – L-Ispeaker.

Agħfas hawn għal dettalji mid-diskors tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.

 

 

Diskors president parlament gdid Anglu Farrugia diskors parlament gdid

5:15pm

Mad-daqq tal-fanfarra mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca inawgurat il-binja l-ġdida tal-Parlament il-ġdid bi kxif ta’ plakka kommemorattiva fil-foyer tal-bini tal-Parlament fid-Daħla tal-Belt.

L-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Parlament il-ġdid saret wara diskorsi tal-okkażjoni mill-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, u l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Il-Parlament il-ġdid tbierek minn Monsinjur Charles J. Scicluna, l-Arċisqof ta’ Malta.

Quddiem l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u l-mistiedna distinti, li nkludew ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Kap tal-Opożizzjoni Simon Busuttil, membri miż-żewġ naħat tal-Kamra, eksmembri parlamentari u lill-Perit Antonio Belvedere, is-sieħeb fin-negozju tal-Perit Renzo Piano li ma’ kienx preżenti għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, Gwardja tal-Korp tal-Pulizija għaddiet il-muftieħ tas-sala tal-Parlament lill-President tal-Kamra tad-Deputati bħala sinjal li l-Korp tal-Pulizija qed jassumi r-responsabbiltà tas-sigurtà tal-binja tal-Parlament.

Wara, l-Ispeaker Anġlu Farrugia akkumpanja lil dawk preżenti lejn is-Sala l-ġdida tal-Kamra tad-Deputati fejn se jkunu jistgħu jsegwu mill-iStrangers’ Gallery l-ewwel seduta parlamentari fil-binja l-ġdida, u li hi aġġornata għas-6pm.

Ceremonja quddiem parlament 1 Ceremonja quddiem Parlament 2

4:45pm

Il-GHRC tgħaddi l-binja l-ġdida tal-Parlament lill-President tal-Kamra tad-Deputati

Il-President tal-Kamra tad-Deputati flimkien mal-Membri Parlamentari mxew tul Triq ir-Repubblika lejn il-binja l-ġdida tal-Parlament, fejn issir preżentazzjoni tal-binja mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) lill-President tal-Kamra tad-Deputati.

 

Muftieh 2 Muftieh 1Inawgurazzjoni Parlament Gdid 1 040515

4.25pm:

Ċerimonja simbolika fil-Palazz tal-President fejn il-Parlament serva sa mill-1921

Wara 94 sena, li matulhom il-Palazz tal-President serva lill-Parlament Malti sa mill-1921, ftit tal-ħin ilu gwardja tal-Forzi Armati ta’ Malta għaddiet il-muftieħ tas-Sala tal-Parlament, lill-gwardja tal-Korp tal-Pulizija bħala sinjal ta’ trasferiment tar-responsabbiltà għas-sigurtà tal-binja l-ġdida, fejn se jibda jiltaqa’ l-Parlament fid-Daħla tal-Belt.

Din iċ-ċerimonja simbolika saret wara li l-Membri Parlamentari ltaqgħu quddiem il-bieb prinċipali tas-Sala tal-Kamra tad-Deputati fil-Palazz. L-Ispeaker Anġlu Farrugia, bħala l-President tal-Kamra tad-Deputati, ingħaqad mal-Membri Parlamentari u flimkien imxew lejn l-entratura prinċipali tal-Palazz billi għaddew minn quddiem is-Sala tal-Arazzi, fejn kien jiltaqa’ l-Parlament qabel l-1976.

L-Ispeaker u l-Membri Parlamentari assistew għaċ-ċerimonja simbolika fid-daħla tal-Palazz qabel ma l-Gwardja tal-Unur u l-Banda tal-Korp tal-Pulizija telqu minn Pjazza San Ġorġ għal quddiem il-binja l-ġdida tal-Parlament.

Inawgurazzjoni Parlament Gdid 2 040515

Inawgurazzjoni Parlament Gdid 3 040515

Inawgurazzjoni Parlament Gdid 4 040515