Internazzjonali

Aġġornata: Charlotte Elizabeth Diana, isem il-Prinċipessa ta’ Cambridge

Il-Prinċep William, id-Duka ta’ Cambridge u martu d-Dukessa Kate semmew lit-tifla li twieldet nhar is-Sibt bħala Charlotte Elizabeth Diana.

Dan wara sigħat sħaħ ta’ spekulazzjoni, bil-Prinċipessa-tarbija, li hi r-raba eredi għat-Tron tal-Ingilterra, se tkun magħrufa bħala Her Royal Highness Princess Charlotte of Cambridge.

Sa minn mindu tħabbar it-twelid tat-tarbija kien hemm in-nies li emmnu li l-koppja rjali kienet se tinkludi l-isem Diana fl-isem sħiħ ta’ binthom biex jonoraw lil omm il-Prinċep William — il-mibkija Dukessa ta’ Wales li mietet waqt inċident f’Pariġi, fis-sajf tal-1997.

Il-hadd is-suldati tal-King’s Troop f’Hyde Park u fl-inħawi tat-Tower of London sparaw il-kanuni bħala salut fl-okkażjoni ferrieħa tat-twelid tal-Prinċipessa.

Waqt iċ-ċerimonji talbieraħ, is-suldati tar-Royal Horse Artillery ħarġu mill-Wellington Barracks għal purċissjoni lejn Hyde Park u kienu akkumpanjati mir-Royal Artillery Band.

Fl-istess ħin, it-truppi mal-Honourable Artillery Company sparaw salut minn 62 kanun fl-inħawi tat-Tower of London.