Lokali

Appell biex il-pubbliku jappoġġja lil Raisa Falzon permezz tat-talb

Raisa Falzon hija t-tfajla li tissimbolizza l-kuraġġ u t-tama hekk kif kienet ħarġet minn koma wara disa’ xhur. Fid-19 ta’ Marzu 2013 Raisa Falzon kienet sofriet minn emoroġija f’moħħha u damet disa’ xhur f’koma sa Dicembru tal-istess sena. Meta ħarget mill-koma, il-familja tagħha ħasset ferħ kbir u tama ġdida iżda kienet ukoll konxja li dan kien il-bidu ta’ sfidi ġodda.

Fil-fatt minn dak iż-żmien sa ftit ġimghat ilu, Raisa bdiet tikkumbatti biex terġa takkwista moviment u kapaċitajiet bażiċi tant li reġgħet bdiet titkellem u anke tuża idejha. Dan l-aħħar Raisa reġgħet kienet qed tkun ukoll preżenti fis-social media hekk kif setgħet terġa tibda tuża t-tablet.

Bħalissa qed terġa tikkumbatti mal-isfidi tal-mard iżda l-familja tagħha tibqa’ tkun ta’ appoġġ u qed tappella biex n-nies ukoll tappoġġjaha bit-talb u l-fidi f’Alla.

Ġimgħatejn ilu, Raisa reġgħet iddaħlet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei u bħalissa qed tirkupra minn żewg operazzjonijiet riċenti. Il-familja ta’ Raisa qed tappella biex l-pubbliku jiftakar f’Raisa fit-talb tiegħu filwaqt li qed tibqa’ tittama fil-kuraġġ kbir ta’ Raisa biex tkompli tiġġieled għall-saħħitha.