CHAMPIONS LEAGUE SEMIFINALI I LEG
Is-semifinali ta’ nhar l-Erbgħa se tkun qed tiffoka l-aktar fuq il-kowċ ta’ Bayern Munich Pep Guardiola li se jirritorna fuq il-palk li żejjen bil-preżenza tiegħu bħala plejer u kowċ meta Bayern Munich iżuru lil Barcelona.
Ma’ Barcelona Guardiola rebaħ din il-kompetizzjoni tliet darbiet imma Barcelona jinsabu konċentrati biex ipattu għat-telfa 7-0 fis-semifinali sentejn ilu.
Bayern rebħu tlieta mill-aħħar erba’ konfronti ma’ Barcelona f’Camp Nou, inkluż waħda 3-0 fis-semifinali fl-2012-13 wara li taħt Jupp Heynckes kienu diġà rebħu l-ewwel leg 4-0 f’darhom.
Is- semifinali l-oħra li rebħu Bayern kontra Barcelona 4-2 aggregate kienet dik fl-istaġun 1995-96 fi triqthom lejn ir-rebħ tat-Tazza UEFA. Dakinhar fit-tim ta’ Barcelona kien hemm Pep Guardiola bħala plejer.
Guardiola kien fit-tmexxija ta’ Barcelona fl-unika rebħa kontra Bayern fl-istaġun 2008-09 fil-kwarti tal-finali meta ġew 4-0 f’Camp Nou u 1-1 fi Munich.
Il-kowċ ta’ Barcelona Luis Enrique, kien fit-tim ta’ Barcelona li tilef 1-0 għand Bayern fl-istaġun 1998-99 u mbagħad Bayern ġew minn wara biex rebħu 2-1 f’Camp Nou.
Barcelona li qed ifittxu t-tmien dehra tagħhom fil-finali, dan l-istaġun rebħu l-ħames partiti li lagħbu f’darhom u ilhom mhux megħluba f’Camp Nou fil-kompetizzjoni sa mit-telfa kontra Bayern fl-2013, 32 logħba fil-UEFA li minnhom ħadu 25 rebħa.
Kontra klabbs Ġermaniżi, Barcelona għandhom rekord f’darhom ta’ 19-il rebħa, draw u 7 telfiet.
Bayern min-naħa l-oħra qed ifittxu l-11-il finali tagħhom. Huma ġarrbu telfa 5-0 aggregate f’dan l-istadju kontra Real Madrid l-istaġun l-ieħor imma rebħu ħamsa minn sebgħa semifinali kontra klabbs Spanjoli biex ir-rekord tagħhom fuq żewġ legs hu ta’ 9 rebħiet u 7 telfiet.
Din hi r-raba’ semifinali ta’ Bayern fl-aħħar ħames staġuni u r-rekord overall tagħhom fis-semifinali hu ta’ 10 rebħiet u sitt telfiet.
Għal din il-partita Bayern se jkunu mingħajr Robben li għandu barra sa tmiem l-istaġun għalkemm Guardiola jaf ikollu fuq il-bank lil Robert Lewandowski, Medji Benatia u Martinez.
//= $special ?>