Illum, fil-ftuħ tal-ewwel binja li qatt kellu l-Parlament, l-ogħla istituzzjoni li tirrappreżentana, se naraw id-differenza bejn l-eleganza li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li pajjiżna għandu jgawdi u l-medjokrità li, imqar fil-kampanja kontra dil-binja tal-Parlament, il-Partit Laburista u Joseph Muscat għandhom ħabta jagħżlu.
Il-binja xempju ta’ pont eleganti bejn il-passat u l-futur
Meta tara l-binja l-ġdida tal-Parlament, lesta għall-okkażjoni sabiħa tal-lum waranofsinhar, tara binja li toħloq pont eleganti bejn il-passat u l-futur. Il-ġebla samma Maltija u Għawdxija depożitata miljuni ta’ snin ilu maħduma bi stil modern, għax hekk hi l-Belt kapitali tagħna, kif semmewha l-Kavallieri – ‘Civitas Nova’, ‘belt ġdida’ – belt li bil-ħafna proġetti ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti llum tiftaħar li hi Belt ta’ eleganza, dejjem ġdida, bil-prestiġju xieraq dalwaqt ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Spazju miftuħ simbolu ta’ soċjetà libera u aperta
Il-binja tal-Parlament hi parti minn proġett sħiħ għad-daħla tal-Belt li minn car park ftit tas-snin ilu llum hi zona miftuħa minn barra għal ġewwa l-Belt Valletta, b’turġien eleganti għal-livelli differenti tal-Belt. L-ispazju miftuħ hu simbolu ta’ x’jemmen il-Partit Nazzjonalista għas-soċjetà Maltija u Għawdxija: soċjetà libera u aperta, li taf tapprezza l-arti u tagħżel dak li hu ġdid għax fiduċjuża u ħerqana għall-futur tagħha.
Nazzjon ġdid, Ewropew, kożmopolitan
Id-disinn u d-disinjatur huma wkoll sinjal ta’ nazzjon ġdid u Ewropew kif sirna fl-aħħar deċennji. Renzo Piano, ta’ fama dinjija, li xogħlu tarah ukoll fis-Centre Pompidou f’Pariġi, fix-Shard f’Londra, fil-kwartier tan-New York Times fl-Amerika, u issa wkoll fid-daħla tal-Belt kapitali tagħna. L-għażla ta’ nazzjon li jħares ’il quddiem, nazzjon kożmopolitan, mhux nazzjon magħluq, imma nazzjon apert għal dak kollu li hu ġdid u modern u tal-aqwa livell fil-kontinent tagħna u fid-dinja.
Kampanja kontra l-proġett misjuqa mill-fossilizzazzjoni ta’ mentalità infantili
Mhux għax dal-ħsieb hu maqsum minn kulħadd. Il-Prim Ministru Muscat, mill-bidu nett, ra kif każbar b’kull mod id-disinn u dal-proġett. Anke wara li tela’ fil-gvern, mar għand Renzo Piano ħalli jara kif dil-binja jirrelegaha għal xi ħaġa ta’ xejn. Renzo Piano naturalment qal ċar lil Muscat fejn hu post l-ideat fossilizzati tiegħu. U Muscat dewwem il-proġett li suppost kellu jkun lest sena ilu, u kompla għaddej jinsulta l-proġett b’suq ġo nofsu – xempju ta’ mentalità infantili.
Lawrence Gonzi: mexxa u mexa b’korrettezza ineċċepibbli
U Muscat ipprova anke jdaħħal fil-logħob puwerili tiegħu lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, li mexxa dal-proġett. Imma Lawrence Gonzi, bħal Renzo Piano, qal ċar lil Muscat fejn hu post il-logħob tat-tfal u qallu: jiftħu l-ewwel binja tal-Parlament Malti dawk li tajniehom l-ogħla karigi fl-istituzzjonijiet tagħna. Korrettezza ineċċepibbli.
L-eleganza u l-kożmopolitaniżmu kontra l-medjokrità u l-logħob puwerili
Illum nirrelegaw, inniżżlu l-medjokrità ta’ min mhux kapaċi jogħla ’l fuq mil-logħob puwerili. Anzi, illum nagħmlu festa għad-demokrazija parlamentari tagħna, l-aqwa mezz li aħna l-Maltin u l-Għawdxin għandna biex ngħidu kontinwament lil dawk kollha li jaħsbu li għandhom xi setgħa fuqna li ma telgħux huma, imma tellajniehom aħna. U llum imqar f’dil-binja niċċelebraw lilna nfusna, aħna l-poplu Malti u Għawdxi, sovran, modern, Ewropew, eleganti, kożmopolitan.