Futbol Sport

Giovanni Tedesco mistenni jkompli l-karriera fl-Italja

Giovanni Tedesco, il-kowċ ta’ Floriana li x-xahar id-dieħel se jkun qed jagħlaq 43 sena, għadu jrid jiddeċiedi l-futur tiegħu għall-istaġun li ġej hekk kif l-indikazzjonijiet huma li Tedesco jaf iħalli pajjiżna biex ikompli l-karriera ta’ coaching lilhin minn Malta u possibilment fl-Italja.

Minn informazzjoni li għandu Replay, il-President Riccardo Gaucci qed jagħmel dak kollu li hu possibli biex iżomm lil Tedesco għal staġun ieħor ma’ Floriana bl-objettiv li jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar dan l-istaġun. L-ispekukazzjonijiet li Tedesco jista’ jħalli lil Floriana għal ma klabb ieħor f’Malta huma persistenti u saħansitra kien hemm għajdut mhux konfermati li l-MFA tista’ toffri t-tmexxija teknika tat-tim nazzjonali Malti.

Madankollu jidher improbabli li kemm il-darba Tedesco jħalli lil Floriana fl-aħħar tal-istaġun jissieħeb ma’ klabb ieħor fil-Kampjonat Premier għalkemm it-tmexxija teknika tat-tim nazzjonali Malti taf tkun storja oħra li tinteressa lil Tedesco.

Is-suċċess ta’ Tedesco ma’ Floriana, anke jekk il-greens ma kisbux post fl-Ewropa, kienet mogħtija prominenza fil-media fl-Italja u mhux sigriet li l-livell ta’ Tedesco hu superjuri għal-livell preżenti li għadna fil-futbol Malti. Wieħed jistenna x’deċiżjoni se jkun qed jieħu Tedesco fil-jiem li ġejjin.

Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).