Il-mixja tad-Deputati mal-Ispeaker Anġlu Farrugia mill-Palazz tal-President għall-bini tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt kellha tkun akkumpanjata miż-żewġ Baned tal-Belt, iżda dan mhux possibbli għax ma kienx hemm baġit allokat għal dan l-għan.
Persuni qrib iż-żewġ soċjetajiet mużikali, La Vallette u King’s Own, tkellmu ma’ MaltaRightNow.com kif fil-ġimgħat li għaddew urew ix-xewqa li jipparteċipaw fl-attività. Appena tkellmu mal-Ispeaker, hu ħa gost bl-idea għax, wara kollox, din hi attività ta’ għaqda nazzjonali li se ssir fil-Belt stess. Dan wassal biex iż-żewġ soċjetajiet bdew jippreparaw dak kollu meħtieġ għal okkażjoni bħal din.
Madankollu, f’laqgħa oħra li saret ftit tal-jiem ilu, huma ġew infurmati mill-Ispeaker stess li mhemmx baġit allokat għall-baned. Għaldaqstant, talabhom biex idoqqu b’xejn. Il-persuni li tkellmu magħna spjegaw li dan mhuwiex possibbli, anke għax sessjoni bħal din tiswiehom mijiet ta’ ewro. Dan anke meta f’każ bħal dan, il-bandisti jitħallsu ammont akbar minħabba li jridu jieħdu l-leave.
F’dan l-istadju, iż-żewġ soċjetajiet flimkien ma aċċettawx u rtiraw it-talba.
//= $special ?>