Lokali

Il-bini l-ġdid se jsaħħaħ l-awtonomija tal-Parlament – l-Ispeaker

Il-bini l-ġdid tal-Parlament se jkompli jsaħħaħ l-awtonomija tal-Parlament. Qal dan l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia waqt li kien qed jagħmel diskors fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-bini l-ġdid tal-Parlament.

Hu qal li minkejja l-kontroversja u d-diskussjoni li kien hawn fil-pajjiż dwar il-binja l-ġdida tal-Parlament Malti, din il-binja kienet pass fid-direzzjoni t-tajba għaliex se ssaħħaħ l-awtonomija fiżika tal-Parlament. Hu awgura li mill-Parlament ikomplu jgħaddu liġijiet li jtejbu l-livell tal-Parlament, li għandu storja glorjuża.

L-Ispeaker kompla li d-depuati għandhom jaraw li xogħlhom ikun iktar trasparenti u kompla li issa s-seduti se jkunu qed jiġu trasmessi wkoll fuq it-televiżjoni.

Din hi qabża fid-demokrazija għaliex ix-xandir televiżiv se jinkludi wkoll il-ħidma tal-Kumitati Parlamentari. Il-pass għax-xandir parlamentari hu wieħed importanti għaliex kulħadd għandu jkun lest għal iktar skrutinju parlamentari.

Anġlu Farrugia qal li l-Parlament għandu jkollu bi dritt il-kanal televiżiv tiegħu biex il-poplu jkun jista’ jsegwi dak li jkun qed isseħħ fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.