F’sentejn ftit sar favur l-enerġija alternattiva, lanqas m’għandna strateġija dwar l-enerġija rinnovabbli u lanqas għadna ma qlibna l-enerġija għall-gass
Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia ngħaqdet mal-appell li għamel fil-Parlament il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco u kkritikat lill-Gvern li hu inutli li naħtru kummissjonijiet u bordijiet li jkunu servili għal dak li jridu jisimgħu l-Ministri tal-Gvern.
Qabel tkellmet Marlene Farrugia, Mario de Marco semma r-riżenji tal-membri tal-Kummissjoni tal-Guardian for Future Generations u kkritika lill-Gvern li minflok il-funzjoni importanti li kellha din il-Kummissjoni li kienet twaqqfet bi qbil tal-Parlament kollu fl-aħħar tal-leġiżlatura tal-gvern preċedenti, l-Abbozz li qiegħed iressaq il-Gvern dwar it-tibdil fil-klima qed jipproponi bord li jirrappreżenta membri appuntati mill-Gvern u bil-funzjoni li jimplimenta dan l-Abbozz. Staqsa kif persuna appuntata li tirrappreżenta lill-Gvern, ħa jkollu l-oġġettività biex iwettaq il-funzjoni importanti li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġi meta hu bord li se jkun servili għall-gvern li ħatru.
Id-Deputat Laburista qablet u qalet li qed tingħaqad mal-kritika tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni. Saħqet li “hu inutli li naħtru kummissjonijiet u bordijiet li jkunu servili għal dak li jridu jisimgħu l-Ministeri”.
Marlene Farrugia, li quddiemha waqt li kienet qed titkellem kellha pjanta bil-fjuri tas-sardinell u b’messaġġ li jgħid li “fil-Parlament jeħtieġ li jikbru l-fjuri”, qalet li s-soċjetà ċivili wriet fl-aħħar xhur li għandha opinjoni u trid issemma’ leħenha, u li trid ukoll li jkollha vuċi f’setturi importanti bħalma hu dak tal-ambjent.
Fil-Parlament, id-Deputat Laburista Marlene Farrugia saħqet li jekk nemmnu tassew, u nixtiequ li jkollna impatt fuq it-tbdil fil-klima globali li qed ikollha effett ħażin fuq ħafna azzjonijiet u ġnus, l-ewwel klima li rridu nbidlu hu fid-djar tal-Parlament.
Fissret li l-klima fil-Parlament Malti u fil-Parlamenti Nazzjonali fil-pajjiżi tad-dinja għandha tkun iffukata fuq il-persuna umana li għandha titpoġġa l-ewwel u qabel l-interessi kummerċjali, ekonomiċi u finanzjarji. Fissret li huma dawn l-interessi ta’ egoiżmu li qed iwasslu lid-dinja fix-xifer tal-katastrofi naturali.
Il-problema tat-tibdil fil-klima qabblitha wkoll mal-problema tal-immigrazzjoni irregolari u appellat biex hekk kif pajjiżna wera li hu ta’ eżempju fejn jidħlu l-isfidi marbuta mal-immigrazzjoni, għandu wkoll ikun ta’ eżempju fl-isfida marbuta mal-bidla fil-klima.
Appellat ukoll biex nibdlu l-klima fil-Parlament għal waħda ta’ kunsens u pożittività bejn Gvern u Oppożizzjoni biex l-isfida tal-klima nibdluha f’opportunità.
Id-Deputat Laburista kkritikat ukoll li qed jibqgħu ifaqqsu proġetti li qed jikinsu mhedded kbar ta’ ħamrija meta 20 ċentimetru ta’ ħamrija ddum biex tifforma 500 sena.
Ikkritikat ukoll lill-Gvern li mhux biss f’sentejn ftit sar favur l-enerġija alternattiva, iżda lanqas m’għandna s’issa strateġija dwar l-enerġija rinnovabbli u lanqas għadna ma qlibna l-enerġija għall-gass.
Fl-okkażjoni tad-dar ġdida tal-Parlament, Marlene Farrugia appellat għal miżuri favur il-familja fil-binja tal-Parlament biex jiżdiedu n-nisa fil-Parlament.
//= $special ?>