Ambjent Lokali

Il-Gvern għadu ma laqgħax talba għal sit alternattiv tal-American University – l-AD

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola fi stqarrija qal li l-Alternattiva Demokratika offriet li tikkopera mal-Gvern biex jinstab sit alternattiv għall-American University li l-Gvern ħabbar li se ssir f’Zonqor Point f’Marsascala. Madankollu qal li sfortunatment il-Gvern għadu ma laqgħax din l-offerta.

Arnold Cassola qal li l-Universita’ hija idea tajba imma li din issir fuq art li hija virġni hija idea ħażina ħafna li se twassal biex ikomplu jinqerdu aktar spazji naturali aċċessibli għall-pubbliku. Cassola żied li meta jingħad li din hija art abbandunata tkun qed tinstab biss skuża għaliex dan l-ispazju miftuħ għandu jiġi mħares biex jerġa’ jingħata d-dehra naturali tiegħu.

Cassola qal li l-proġett kif propost se jżid it-traffiku fiż-żoni ta’ Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn. Dan filwaqt li l-Forti Rikasoli fil-Kalkara għandu jiġi restawrat u jingħata użu li huwa utli. Cassola jisuġġerixxi li l-Universita’ tiġi allokata f’dan is-sit li jista’ joħloq sinerġija ma’ Smart City li tinsab viċin l-Forti Rikasoli. L-Alternattiva Demokratika tenniet li l-proposta tagħha hija ta’ benefiċċju għal kulħadd.

Ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru ħabbar dan il-proġett flimkien ma’ park naturali fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta u qal li dawn huma żewġ siti li wieħed mhux se jiddejjaq li jkun jgħix ħdejhom. Intant, minbarra l-Alternattiva Demokrattika anke l-għaqdiet ambjentali fl-aħħar jiem qalu li ma jaqblux mas-sit magħzul hekk kif huwa żona barra mill-iżvilupp.