Lokali

Aġġornata: Il-Gvern Laburista b’test ieħor quddiemu biex il-Liġi tkun l-istess għal kulħadd; Manwel Mallia jgħid li ma nkisritx il-liġi

Aġġornata

Manwel Mallia u JMIl-Prim Ministru Joseph Muscat għandu test ieħor quddiemu dwar dak li jisħaq fuqu hu stess, dik li taħt Gvern Laburista l-Liġi hi l-istess għal kulħadd. Dan sostnewh il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami u x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet, li trattat l-istorja li ġiet ippublikata lbieraħ fil-gazzetta The Malta Independent on Sunday.

L-istorja kienet titratta l-eks Ministru Manwel Mallia, li allegatament kiser il-Liġi billi ta Ċittadinanza lil martu wara sentejn, minkejja li l-Liġi tgħid li persuna tista’ tingħata ċ-Ċittadinanza wara ħames snin. Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi sostnew li dan hu każ ieħor ta’ abbuż ta’ poter taħt Gvern Laburista.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm ħafna nies li jridu jerfgħu ir-responsabbiltà f’dan il-każ, fosthom l-eks Ministru Mallia, il-Ministru preżenti tal-Intern u l-Prim Ministru Joseph Muscat, li qed jerġa’ jkun iffaċjat minn membru tal-Kabinett tiegħu li abbuża mill-poter.

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi qal li dan hu anke każ ta’ cover-up għax minkejja li għaddew ħames xhur, il-Ministru Carmelo Abela ma ħa l-ebda azzjoni dwar dan l-abbuż ta’ poter.

Għaldaqstant, Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi saħqu li l-Prim Ministru Muscat għandu japplika dak li tant ippriedka dwaru, jiġifieri li Gvern Laburista ma jittolerax abbuż ta’ poter u li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ għemilu.

Intant, fi stqarrija l-eks Ministru Manwel Mallia qal li ma nkisritx il-liġi biex martu ħadet iċ-ċittadinanza wara sentejn. Manwel Mallia qal li martu applikat għaċ-ċittadinanza skont artiklu 10 (1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza, u mhux fuq il-bażi taż-żwieġ tagħhom. Hu qal li martu ssodisfat il-kriterji kollha tal-liġi u għaldaqstant setgħet tingħata ċ-ċittadinanza.

L-eks-Ministru żied jgħid li ma kienx hu li eżamina t-talba tagħha biex tingħata ċ-ċittadinanza, u ċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza tagħha ma kienx iffirmat minnu, iżda indipendentament mingħajr l-intervent tiegħu. Temm jgħid li dan kollu jikkonferma li l-affarijiet saru skont il-liġi u ma kien hemm xejn ħażin fil-mod ta’ kif martu kisbet iċ-ċittadinanza Maltija.