Jekk il-monti jitpoġġa ħdejn il-Parlament il-ġdid se jkun qed joffri riskju fuq is-sigurta’ tal-Kamra tad-Deputati. Hekk stqarr l-Ispeaker Anglu Farrugia f’intervista mal-ġurnal The Malta Independent.
“Il-loġika titlob li jkollok is-sigurta’ ta’ din il-binja. U jien irrid nara li jkollna s-sigurta’ sħiħa. Kien il-Kummissarju tal-Pulizija li ġibidli l-attenzjoni li l-viċinanza tal-monti toffri riskju”.
L-ispeaker sostna illi biex wieħed jorganizza s-sigurta’ tal-Parlament, se jkollok problema addizzjonali kemm-il darba jinżamm il-pjan li l-monti jkun biswit il-Kamra tad-Deputati fid-daħla tal-Belt.
Anglu Farrugia qal ukoll li s’issa għad m’għandu l-ebda kopja tal-kuntratti li saru u m’għandux lanqas il-garanzija fuq ix-xogħol li sar fuq din il-binja.
Fost l-oħrajn, l-Ispeaker għad m’għandux il-kuntratt tas-sistema tal-informatika u l-kuntratt tal-manutenzjoni tal-bini tal-Parlament.