Eric Chu, il-Kap tal-Partit li qed imexxi l-Gvern tat-Tajwan, u l-President taċ-Ċina, Xi Jinping, issieħbu fl-aktar taħditiet bilaterali ta’ livell ogħli għal dawn l-aħħar sitt snin.
Il-laqgħa saret f’Beijing, il-belt kapitali taċ-Ċina, u l-avveniment jindika titjib fir-relazzjonijiet diffiċli bejn il-ġirien. Madankollu, ‘l-avviċinament ma’ Beijing’ jibqa’ suġġett kontroversjali għall-aħħar fit-Tajwan, fejn kemm-il darba saru protesti kontra l-possibbiltà ta’ relazzjonijiet eqreb maċ-Ċina.
In-nazzjonalisti Ċiniżi kienu ħarbu lejn it-Tajwan, fl-1949, wara l-gwerra ċivili brutali mal-Komunisti. Madankollu, iċ-Ċina għadha qed tqis lit-Tajwan bħala provinċja separatista u ribelluża li ’l quddiem għandha terġa’ tingħaqad mat-territorju tagħha.
Iżda huma ħafna t-Tajwaniżi li jopponu r-riunifikazzjoni u jibżgħu li aktar ma jiddependu (ekonomikament) minn Beijing, akbar tkun il-possibbiltà tal-ewwel passi lejn sħubija ġdida maċ-Ċina wara daqstant snin.
Waqt il-laqgħa, Xi Jinping qal li ċ-Ċina u t-Tajwan għandhom jirranġaw id-differenzi politiċi bil-konsultazzjoni, iżda bil-patt li t-Tajwan jaċċetta li hu parti miċ-Ċina. Il-Mexxej Ċiniż kompla li Beijing se jagħmel sforzi akbar biex javviċina lit-Tajwan u jgħinu jiżviluppa fuq livell ekonomiku.
Sadanittant, hu minnu li l-Partit Kuomintang (KMT) ta’ Eric Chu tilef mill-popolarità tiegħu minħabba li qed jidher dispost għal ħbiberija akbar maċ-Ċina. Dan fost il-protesti minn studenti mlaqqmin ‘Sunflower Movement’ fit-Tajwan. Fil-fatt, il-KMT kiseb l-agħar riżultati fl-elezzjonijiet lokali ta’ Novembru u Eric Chu kellu jieħu post Ma Ying-jeou bħala President tal-partit.
//= $special ?>