In-numru tal-immigranti li kienu salvati fi tmiem il-ġimgħa telgħu għal qrib is-6,000 u meta magħruf li dawn in-nies issugraw ħajjithom biex jaqsmu l-Mediterran bid-dgħajjes li ma kenux attrezzati għal dawn it-tipi ta’ vjaġġi.
Fil-fatt, l-ammont tal-immigranti salvati fl-aħħar jumejn kien fost l-ogħla qatt irreġistrati fis-snin riċenti. Dan iżid il-biża’ li l-immigranti li qed jitilqu miz-zoni tal-Afrika u l-Lvant Nofsani lejn l-Ewropa m’humiex jonqsu b’konsegwenza tal-aħħar diżastri umani fuq il-baħar.
Sadanittant, il-gwardjani tal-kosta kkonfermaw is-sejba ta’ tmien katavri ta’ immigranti fuq waħda mid-dgħajjes li kienu interċettati nhar il-Ħadd. Mhux ċar kif dawn l-immigranti tilfu ħajjithom, bil-gwardjani tal-kosta jgħidu li żewġ persuni oħra għerqu wara li kienu qabżu l-baħar biex jippruvaw jgħumu lejn id-dgħajjes tal-iskwadri tas-salvataġġ li waslu fl-inħawi.
L-aħħar ħidma ta’ salvataġġ seħħet waqt li l-gwardjani tal-kosta Libjani interċettaw ħames dgħajjes b’xi 500 immigranti Afrikani abbord u ħaduhom lura lejn il-Libja. Dawn l-immigranti, li wkoll kienu qed jippruvaw jaslu l-Ewropa, twasslu, aktar tard, bix-xarabanks lejn iċ-ċentri tad-detenzjoni fil-belt ta’ Misrata, lejn il-Lvant ta’ Tripli.
Fi żvilupp ieħor, il-Prim Ministru tal-Awstralja, Tony Abbott, qal li kien hemm ‘il-kuntatti’ bejn pajjiżu u l-Uffiċjali Ewropej rigward il-kriżi tal-immigranti fil-Mediterran.
Iżda waqt li Abbott sostna li sar kuntatt ‘fuq livell uffiċjali’, Natasha Bertaud, kelliema għall-Kummissjoni Ewropea, ċaħdet li l-uffiċjali tal-UE kienu kuntattjaw lill-awtoritajiet Awstraljani dwar is-sitwazzjoni tal-immigranti.
//= $special ?>