Internazzjonali

Jean-Marie Le Pen jisfida lill-bord dixxiplinarju tal-Front Nazzjonali

Il-poplu ta’ Franza qed jistenna d-deċiżjoni dwar il-futur ta’ Jean-Marie Le Pen, l-eks-Kap tal-Front Nazzjonali, li jista’ jitlef it-titlu ta’ President onorarju tal-partit wara li għadda sensiela ta’ rimarki provokattivi u li jweġġgħu lis-sentimenti tan-nies.

Fil-fatt, Le Pen, ftit tal-ħin ilu, qabad u telaq ‘il barra mill-kwartieri-ġenerali tal-partit wara li rrifjuta li jidher quddiem il-bord dixxiplinarju li qed jiddeċiedi l-każ tiegħu.

Jean-Marie Le Pen anki ilu għaddej bil-battibekki ma’ bintu, Marine Le Pen, li qed tmexxi l-Front Nazzjonali tal-lemin estremista. L-istess Marine Le Pen qed issostni li missierha m’għandhux jitħalla jitkellem aktar f’isem il-Front Nazzjonali.

Jean-Marie Le Pen kien waqqaf il-Front Nazzjonali fl-1972 u dam imexxih sal-2011. Iżda Marine Le Pen, illum, qed tipprova tbiegħed lil dan il-partit mill-passat razzista u anti-Semitiku tiegħu.

Intant, l-Eżekuttiv tal-Front Nazzjonali li qed jiltaqa’ f’Nanterre irid jara x’azzjoni għandha tittieħed fil-konfront ta’ Jean-Marie Le Pen wara li hu irrepeta l-kumment li l-kmamar tal-gass li użaw in-Nażisti biex jeliminaw il-Lhud, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, kienu sempliċiment ‘dettall tal-istorja’.