Waslet f’pajjiżna l-ewwel kunsinja ta’ parrokki għal persuni li jispiċċaw mingħajr xagħar minħabba li jieħdu l-kimoterapija u ma jkollhomx il-mezzi biex jixtru parrokka. Ħabbret dan il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha spjegat li dawn saru grazzi għad-donazzjonijiet tan-nies bix-xagħar tagħhom stess.
Il-President ta’ Malta qalet li matul is-sena li għaddiet, madwar 180 persuna kellhom bżonn parrokka, inkluż ħamest itfal li kellhom ‘il fuq minn 13-il sena. Hu stmat li dawn il-parrokki jiswew bejn €800 u €1,000 kull waħda. Marie Louise Coleiro Preca rringrazzjat lil dawk kollha li b’sagrifiċċju taw parti minn xagħarhom biex b’hekk assiguraw li x-xagħar ta’ Maltin mar għand Maltin oħra fil-bżonn.
Il-President qalet ukoll li minbarra li hemm parrokki li saru apposta għat-tfal, issa hemm il-faċilità li min sfortunatament għadu se jibda l-kimoterapija jista’ jaqta’ xagħru stess u minn dak ix-xagħar issir il-parrokka għalih stess.
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>