Qorti

Louis Galea jirbaħ libell kontra l-media Laburista

Il-Partit Laburista, permezz tal-istazzjonijiet tiegħu tar-radju u t-televiżjoni, ġie ordnat iħallas €5,000 wara li nstab ħati ta’ libell fil-konfront tal-eks-Ministru Nazzjonalista Louis Galea.

Galea, li llum hu membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kien fetaħ każ il-Qorti kontra Etienne St John u Felix Agius, li fl-1997 kienu edituri għal Super 1 TV u Super 1 Radio.

Il-każ kien jitratta kwotazzjonijiet mill-ktieb “Id-djarju ta’ Ciro del Negro”, miktub mill-ġurnalist u avukat Joe Mifsud u ppubblikat mill-Partit Laburista fl-1997. Louis Galea kien ħassu nsulentat li kien issemma’ fi klipps marbuta ma’ dan il-ktieb, għaliex insista li hu ma kellu xejn x’jaqsam mal-każ u għaliex hu kien għamel ħiltu kollha biex jonqos it-tixrid tad-droga meta hu kien Ministru.

Min-naħa tagħhom, Etienne St John u Felix Agius tennew li qatt ma implikaw lil Louis Galea fil-każ imma semmewh għaliex ċertu individwi, qrib ta’ Galea, kienu msemmija fil-ktieb.

L-Imħallef Joseph Micallef qal li mix-xhieda ppreżentata fil-Qorti, ħareġ ċar li Louis Galea ma kienx involut fiċ-ċirku ta’ traffikar tad-droga u li l-klipps kienu mxandra b’mod sistematiku u ripetut, minkejja li Louis Galea kien ċaħad b’mod pubbliku l-involviment tiegħu.

Għalhekk ikkundanna lill-media Laburista biex tħallas id-danni.