Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, iffirmata mill-eks-Ministru Manuel Mallia, id-deputat Laburista ċaħad li hu influwenza l-applikazzjoni taċ-ċittadinanza Maltija ta’ martu li akkwistatha inqas minn ħames snin wara ż-żwieġ tagħhom.
Manuel Mallia qal li martu applikat għaċ-ċittadinanza Maltija b’naturalizzazzjoni taħt artiklu fil-liġi Maltija. Spjega li hi kienet tikkwalifika għall-applikazzjoni peress li kienet ilha tgħix f’Malta għal mill-inqas ħames snin qabel applikat. Saħaq li hu għalhekk li ġabet iċ-ċittadinanza Maltija u mhux minħabba ż-żwieġ tagħha miegħu.
Qal li taħt il-leġiżlatura li għaddiet, kien hemm proċedura li magħha kienu jimxu l-awtoritajiet li kienu jaċċettaw l-applikazzjonijiet li jidħlu jekk jikkwalifikaw u jekk il-persuna jkollha kondotta tajba u ma jkun hemm ebda kwistjoni li tmur kontra l-interess pubbliku. Spjega li l-proċedura kienet tistabilixxi li persuni li kienu jkunu ilhom jgħixu f’Malta għal mill-inqas 10 snin u li kellhom it-tfal, li kienu ċittadini Maltin, anke jekk dawn il-persuni ma kinux miżżewġa, kienu jingħataw l-approvazzjoni għaċ-ċittadinanza. Spjega wkoll li l-Gvern preżenti żamm ma’ din il-proċedura u li ħafna barranin ingħataw iċ-ċittadinanza b’dan il-mod.
Manuel Mallia qal li martu kienet ilha tgħix f’Malta għal 10 snin qabel applikat u għandha tlett itfal li huma ċittadini ta’ Malta, minbarra l-fatt li hi miżżewġa ma’ ċittadin Malti.
Spjega li hu ma eżaminax it-talba tagħha u ma ġietx approvata minnu waqt li ċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza ma kienx iffirmat minnu imma “indipendentement mingħajr l-intervent tiegħu”. Għalhekk, saħaq, ma kien hemm ebda nuqqas fil-mod ta’ kif martu akkwistat iċ-ċittadinanza.
//= $special ?>