Petizzjoni kontra range tal-isparar viċin id-dar tal-irtiri Mount St. Joseph laħqet it-3,000 firma fi ftit sigħat.
Fi stqarrija li fiha ħabbru dan, il-Ġiżwiti qalu li l-petizzjoni qed tappella lill-Gvern Malti u lill-Awtorita’ Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex jipproteġu s-silenzju li d-dar Mount St. Joseph toffri bħala dar tal-irtiri.
Dan hekk kif hemm pjanijiet li ż-żona magħrufa bħala ‘Il-Busbesija’ tkun żviluppata f’kumpless li jinkludi range tal-isparar.
Il-petizzjoni bdiet wara tħassib li l-Ġiżwiti esprimew f’konferenza tal-aħbarijiet, b’reazzjoni għal dak li qal Michael Falzon, li l-Gvern wasal fl-aħħar stadji qabel isir żvilupp ta’ ‘shooting range’ biswit id-dar tal-irtiri. Dan apparti li minn investigazzjonijiet li saru, jirriżulta li r-range tal-isparar se tkun 110 metru biss bogħod minn Mount St. Joseph.
Fl-istqarrija tagħhom, il-Ġiżwiti qalu li Mount St. Joseph hi dar tal-irtiri li ilha toffri s-silenzju u l-ambjent għar-riflessjoni għal eluf ta’ persuni matul dawn l-aħħar ħamsin sena. Is-sena li għaddiet biss, 10,000 persuna żaru din id-dar, itemm tgħid l-istqarrija tal-Ġiżwiti.
//= $special ?>