CHAMPIONS LEAGUE SEMIFINALI I LEG
L-aħħar telfa ta’ Barcelona f’Camp Nou kienet kontra Bayern fl-2013
Juventus m’għandhomx ċans jiċċelebraw ir-rebħ tar-raba’ kampjonat konsekuttiv hekk kif għada jilqgħu lil Real Madrid fl-ewwl leg mis-semi-finali taċ-Champions League. Is-semifinali l-oħra bejn Barcelona u Bayern Munich tintlagħab pit-għada.
It-tim ta’ Massimo Allegri ssiġilla r-rebħ tal-iscudetto b’rebħa 1-0 għand Sampdoria s-Sibt b’gowl ta’ Arturo Vidal.
Imma l-klabb minn Turin kellu bilfors idawwar il-konċentrazzjoni tiegħu malajr fuq iż-żjara tal-lum taċ-Champions Ewropej renjanti, li għaddew mal-aħħar erbgħa wara rebħa 1-0 aggregate kontra r-rivali ġirien ta’ Atletico Madrid.
Wara r-rebħ tal-31 kampjonat uffiċjali fl-istorja tagħhom, Juventus issa qed jimmiraw lejn it-tielet titlu Ewropew. Imma Allegri m’għandu l-ebda diffikultà dwar min se jkun it-tim favorit.
“Li tilgħab kontra Real Madrid mhux xi ħaġa li tagħmilha kuljum u għalhekk irridu nżommu rasna fuq għonqna biex naslu sal-final. Jekk ma naslux, tkun mistennija.”
Juventus għadhom mingħajr il-midfielder Paul Pogba minħabba injury fil-hamstring u ilu barra minn Marzu.
Kwadwo Asamoah, Martin Caceres u Luca Marrone ukoll huma indisposti għal Juventus hekk kif il-klabb qed jipprova jasal sal-final għall-ewwel darba sa mill-2003 meta kien irkupra żvantaġġ u għeleb lill-istess Real 4-3 aggregate fis-semifinali.
Vidal irid li Juventus illum ma jaqilgħux gowl. “Jekk ma naqilgħux gowl f’Turin u forsi niskorjaw ukoll, hu l-mod kif nistgħu navanzaw. Inħossni tajjeb u t-tim qed juri maturità. Se nkunu qed nilagħbu fil-Bernabeu fit-tieni leg, stadium li jeċċitani anke meta naħseb fih. Naf li Real hu l-aqwa tim fid-dinja imma rridu nkunu fil-finali. Tkun ħolma li nirbħu ċ-Champions League. Issa jkollna ċans niċċelebraw fi tmiem l-istaġun,” qal l-internazzjonali Ċilen ta’ Juventus Arturo Vidal.
Real intant se jmorru għal din il-logħba bl-attakkant internazzjonali Franċiż Karim Benzema dubjuż waqt li Luka Modric għadu nieqes.
Benzema tilef l-aħħar ħames partiti minħabba injury fl-irkobba, imma jista’ jirritorna u jkompli jsaħħaħ lil Real li fi tmiem il-ġimgħa kellhom ir-ritorn ta’ Garteth Bale kontra Sevilla wara wġiegħ fil-pexxul.
“Benzema? Issa naraw fis-sigħat li ġejjin,” qal il-kowċ Taljan Carlo Ancelotti wara r-rebħa 3-2 fuq Sevilla f’La Liga. “L-aħbar it-tajba hi li Bale lagħab nofs siegħa mingħajr problemi. Irkuprajna plejer importanti ħafna fih u jkun aktar aħjar jekk nirkupraw ukoll lil Benzema.”
Ancelotti li mexxa lil Juventus bejn l-1999 u l-2001 bħala kowċ għandu rekord kontra l-Bianconeri ta’ 6 rebħiet, 7 draws u 11-il telfa waqt li Allegri kien mexxa lil Milan kontra Real fl-istaġun 2010-11 fejn tilef 2-0 f’Madrid b’Ronaldo jiskorja wieħed mill-gowls u draw 2-2 f’San Siro fil-fażi tal-gruppi.
Real u Juventus bejniethom lagħbu 20 darba fil-finali tal-aqwa kompetizzjoni tal-klabbs fl-Ewropa u għandhom storja riċenti bejniethom wara li l-istaġun li għadda kienu ltaqgħu fil-fażi tal-gruppi.
Il-klabb Spanjol kien rebaħ 2-1 fis-Santiago Bernabeu qabel ħa draw 2-2 f’Turin bi Cristiano Ronaldo jiskorja tliet gowls fiż-żewġ partiti.