Lokali Parlament

Renzo Piano mhux se jkun preżenti għall-ftuħ tal-Parlament il-ġdid

L-armata tgħaddi r-responsabblità tal-binja lill-Pulizija f’ċerimonja simbolika aktar tard illum

Il-Perit ta’ fama mondjali Renzo Piano, id-disinjatur u l-moħħ wara l-proġett tad-Daħla tal-Belt u tal-binja tal-Parlament il-ġdid li se jkun inawgurat illum, mhux se jilħaq jasal Malta għall-ħin taċ-ċerimonja minħabba impenji fl-Istati Uniti. Renzo Piano kkonferma, iżda, li se jiġi Malta biex jara l-binja tal-Parlament u l-proġett sħiħ tad-Daħla tal-Belt.

Għaċ-ċerimonja ta’ aktar tard illum waranofsinhar, tal-inawgurazzjoni tal-Parlament il-ġdid, se jkun hawn preżenti Antonio Belvedere, l-Associate Partner tal-kumpuanija ta’ periti ta’ Renzo Piano.

Dan ikkonfermah lil In-Nazzjon l-Ispeaker Anġlu Farrugia, li kkonferma wkoll li l-perti Renzo Piano kien mistieden uffiċjalment biex ikun preżenti għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-Parlament il-ġdid u li minħabba impenji li kellu fl-Istati Uniti, ma kienx possibbli li jlaħħaq biex ikun hawn fil-ħin għall-inawgurazzjoni.

Jirriżulta li fil-ħin li tkun qed issir iċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali tal-Parlament il-ġdid, Renzo Piano jkun qiegħed jasal Pariġi mill-vjaġġ tiegħu minn New York.

L-Ispeaker fisser ukoll li f’Malta, hu se jkun qed jilqa’ lil Renzo Piano fil-Parlament il-ġdid u jdawru mal-binja hekk kif tkun diġà qed taqdi l-funzjoni importanti tagħha – dik tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Il-binja tal-Parlament hi l-aħħar fażi tal-proġett tad-Daħla tal-Belt li qed jiġġenera l-entratura ewlenija tal-belt kapitali. Proġett li qiegħed jagħti ħajja ġdida u dinjità lil siti importanti tal-Belt Valletta. Siti li jinkludu s-sit tat-Teatru Rjal kif ukoll l-entratura tal-belt kapitali li issa qed tirrappreżenta entratura miftuħa li mad-daħla tagħha tippreżenta lil kull min iżurha d-Dar tad-Demokrazija – il-Parlament li hi l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, kif ukoll is-sit riġenerat tat-Teatru Rjal li jissimbolizza l-istorja tal-belt kapitali tagħna.

Il-proġett li hu frott il-viżjoni ta’ gvern Nazzjonalista, irrealizzah l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi li wera determinazzjoni biex il-Parlament ikollu wkoll il-binja tiegħu – binja li tagħti għall-ewwel darba dar lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

L-inawgurazzjoni tal-Parlament il-ġdid se tkun qed isseħħ wara saga twila li ħoloq dan il-Gvern, li wara li dam kważi sena biex jiddeċiedi jekk ikomplix bl-idea li s-sit disinjat minn Renzo Piano jibqax destinat għall-Parlament il-ġdid, stabbilixxa mira li kellha twassal biex il-Parlament il-ġdid jitlesta sal-aħħar ta’ Settembru tas-sena l-oħra. Mira li ma ntlaħqitx minkejja li kien diġà stabbilixxa d-data tal-inawgurazzjoni għat-12 ta’ Ottubru li għadda.

Saga oħra li ħoloq dan il-Gvern kienet ukoll marbuta mat-trasferiment tal-monti ħdejn il-bini tal-Parlament il-ġdid. Trasferiment li ħoloq ukoll kontroversja f’pajjiżna u reazzjoni qawwija u negattiva mill-Perit Renzo Piano.

Il-Parlament il-ġdid illum se jkun inawgurat mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca wara li jsiru diskorsi mill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u mill-President ta’ Malta. Il-binja titbierek mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Scicluna.

L-ewwel seduta fil-bini l-ġdid tal-Parlament tibda fis-6pm, hekk kif minn dan il-bini jibda wkoll ix-xandir dirett bit-televiżjoni u fuq l-internet tas-seduti parlamentari.

Iċ-ċerimonja tal-lum

15:30: Il-Membri Parlamentari jiltaqgħu quddiem il-bieb prinċipali tas-Sala tal-Kamra tad-Deputati fil-Palazz, il-Belt Valletta, fejn iltaqa’ l-Parlament bejn l-1976 u l-2015.

16:00: Il-President tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, jingħaqad mal-Membri Parlamentari u flimkien jimxu lejn l-entratura prinċipali tal-Palazz billi jgħaddu minn quddiem is-Sala tal-Arazzi fejn iltaqa’ l-Parlament bejn l-1921 u l-1976.

Ċerimonja simbolika
Anġlu Farrugia flimkien mal-Membri Parlamentari jassistu għal ċerimonja simbolika fl-entratura tal-Palazz fejn gwardja tal-Forzi Armati ta’ Malta tagħti l-muftieħ tas-Sala tal-Parlament lill-gwardja tal-Korp tal-Pulizija bħala sinjal ta’ trasferiment tar-responsabilità għas-sigurtà tal-binja fejn jiltaqa’ l-Parlament.

Il-gwardja tal-unur u l-banda tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta jitilqu minn Pjazza San Ġorġ għal quddiem il-binja l-ġdida tal-Parlament.

Il-President tal-Kamra tad-Deputati flimkien mal-Membri Parlamentari jimxu tul Triq ir-Repubblika lejn il-binja l-ġdida tal-Parlament. Preżentazzjoni tal-binja mill-Korporazzjoni għarRiġenerazzjoni tal-Port il-Kbir lill-President tal-Kamra tad-Deputati.

Wara l-wasla tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-President tal-Kamra tad-Deputati u l-President ta’ Malta jagħmlu diskorsi tal-okkażjoni. Gwardja tal-Korp tal-Pulizija jgħaddi l-muftieħ tas-sala tal-Parlament lill-President tal-Kamra tad-Deputati bħala sinjal li l-Korp tal-Pulizija qed jassumi r-responsabbiltà tas-sigurtà tal-binja tal-Parlament. Wara jsir il-kxif tal-plakka kommemorattiva mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u tberik tal-binja mill-E.T. Monsinjur Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.

L-ewwel seduta Parlamentari fil-bini l-ġdid hija aġġornata għas-6pm.