Il-Pulizija fittxew fid-dar ta’ raġel suspettat bħala wieħed minn żewġ aggressuri li kienu attakkaw konferenza dwar il-karikaturi li jinvolvu lill-Profeta Muhammad, fl-inħawi ta’ Dallas.
L-aġenti tal-FBI kienu qed jiġbru l-provi minn appartament fl-inħawi ta’ Phoenix filwaqt li identifikaw lir-raġel bħala Elton Simpson, residenti ta’ Arizona, li qabel kien qed ikun investigat fuq suspett ta’ reati marbuta mat-terroriżmu.
Fis-sigħat ta’ qabel, iż-żewġ aggressuri msemmija nqatlu wara li fetħu n-nar f’subborg ta’ Dallas fejn kienet qed issir il-konferenza.
L-aggressuri kienu saqu lejn il-Curtis Culwell Center f’Garland u bdew jisparaw lejn fizzjal tas-sigurtà li spiċċa ferut. L-attakk seħħ meta l-konferenza kienet waslet biex tispiċċa, u l-aggressuri mbagħad tilfu ħajjithom waqt il-konfront mal-pulizija.
Il-membri tal-bomb squad aktar tard issejħu fuq il-post biex ifittxu fil-vettura taż-żewġ aggressuri għall-possibbiltà li kien fiha l-isplussivi.
Il-konferenza, organizzata mill-American Freedom Defense Initiative (AFDI), kienet meqjusa bħala waħda kontroversjali peress li l-grupp hu kritiku tal-Iżlam. L-avveniment kien qed jinkorpora wkoll kompetizzjoni bit-tpinġijiet tal-Profeta Mohammed bi premju ta’ 10,000 dollaru.
It-tpinġijiet ta’ Muhammad iweġġgħu s-sentimenti tal-Musulmani u kien hemm sigurtà kbira fis-sit tal-konferenza, li fiha wieħed mill-kelliema kien il-politiku Olandiż Geert Wilders, li hu magħruf bħala anti-Iżlamiku ewlieni.
Sadanittant, kelliema għad-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Garland qalu li ma kien hemm l-ebda theddid kredibbli minn qabel l-avveniment, iżda aktar tard kien indikat li Simpson bagħat diversi messaġġi fuq Twitter qabel seħħet l-isparatura.
Messaġġ minnhom jingħad li kien fih awgurju li hu jkun aċċettat bħala membru tal-mujahideen (jew ġiħadista) fi gwerra qaddisa, u l-kont ta’ Twitter kien sospiż aktar tard.
//= $special ?>