L-ewwel seduta tal-Parlament bdiet tiltaqa’ ftit minuti ilu preseduta mill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.
Fis-seduta tal-Parlament fil-bini l-ġdid li qed tinawgura l-ħidma Parlamentari wara waqfa itwal mis-soltu għall-vaganzi tal-Għid biex isir it-trasferiment tal-Parlament lejn il-bini l-ġdid, id-Deputat Laburista Marlene Farrugia għandha quddiemha pjanta b’messaġġ li jgħid li “fil-Parlament jeħtieġ li jikbru l-fjuri”.
Fost dawk preżenti fil-Kamra jsegwu s-seduta mill-istrangers gallery, hemm l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi, eks-Speakers u eksmembri parlamentari, li segwew ukoll iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt.
Kien Lawrence Gonzi meta kien Prim Ministru wara l-elezzjoni tal-2008, li ta bidu għall-implimentazzjoni tal-proġett tad-Daħla tal-Belt, bil-Parlament il-ġdid jifforma parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tad-Daħla tal-Belt. Sa tmiem il-leġiżlatura li għaddiet, il-proġett tal-bini l-ġdid tal-Parlament kien fi stadju avvanzat ta’ kostruzzjoni.
Xandir dirett tas-seduti parlamentari
Is-seduti parlamentari mil-lum bdew ukoll ikunu mxandra diretti fuq it-televiżjoni, bi ftehim li ntlaħaq maż-żewġ kumpaniji ewlenin tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll imxandra dirett fuq l-internet.
Fil-bidu tas-seduta, id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, bi ftehim mal-Oppożizzjoni, ressaq mozzjoni dwar ix-xandir dirett tas-seduti parlamentari biex jiġu emendati l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra biex ikun hemm l-awtorizzazzjoni għax-xandir ukoll bil-viżiv.L-Ispeaker għandu d-dritt li jwaqqaf ix-xandir viżiv tas-seduti parlamentari f’kas li jħoss li dan ikun meħtieġ.
Dwar dawn l-emendi għall-Ordinijiet Permanenti tal-Kamra kien intlaħaq ftehim fil-prinċipju fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra. Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma Parlamentari, Mario de Marco, issekonda l-mozzjoni.
//= $special ?>