Andreas Lubitz, il-kopilota tal-ajruplan tal-Germanwings li f’Marzu kien iġġarraf fl-Alpi Franċiżi, aktarx kien ipprova l-manuvra fatali fuq titjira oħra ftit qabel it-traġedja.
Skont investigaturi Franċiżi, Lubitz ipprova jniżżel ajruplan tal-passiġġieri fil-baxx ħafna mingħajr permess tal-bdot.
Lubitz hu suspettat li ġarraf apposta ajruplan tal-Germanwings b’150 persuna abbord.
Investigaturi Franċiżi qalu li hemm indikazzjonijiet li fl-24 ta’ Marzu, waqt it-titjira minn Duesseldorf lejn Barċellona, fl-istess ġurnata, hu kien ipprova jniżżel l-ajruplan f’livell baxx ħafna.
Skont rapport tal-BEA, l-aġenzija ta’ investigaturi Franċiżi tal-inċidenti tal-ajru, jirriżulta li Lubitz, kien ipprova għal ħames darbiet iniżżel l-Airbus A320 għal 30 metru meta kien waħdu fil-kabina tal-pilotaġġ. Hu mbagħad poġġa kollox lura f’postu meta l-bdot reġa’ lura fil-kabina. Intqal li dan seħħ f’perjodu ta’ ħames minuti. L-investigaturi iżda wissew li li kieku ma seħħitx it-traġedja, ħadd ma kien jinduna b’dawn l-anomaliji waqt it-titjira.
Skont il-kaxxi s-suwed tal-ajruplan li ġarraf, Lubitz kien qafel lill-bdot barra mill-kabina, imbagħad saq l-ajruplan lejn il-muntanji apposta. Irriżulta li Lubitz kien qed ibati minn problema ta’ saħħa mentali.
Aktarx kien għamel attentat ieħor biex iġarraf ajruplan
