Lokali

Analisti politiċi u ġurnalisti jfaħħru d-deċiżjonijiet tal-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil

“Simon Busuttil ma qagħdx jaħli ħin u għamel dak li hu mistenni minnu. Aġixxa b’rispett u b’mod diċenti”. Din kienet ir-reazzjoni tal-ġurnalist Godfrey Grima lil The Times of Malta dwar id-deċiżjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li aċċetta r-riżenja tad-Deputat Giovanna Debono u talab lis-Segretarju Ġenerali Chris Said biex jiffoka fuq Għawdex.

Grima faħħar il-ħidma ta’ Chris Said fl-aħħar sentejn bħala Segretarju Ġenerali, filwaqt li sostna li Simon Busuttil għamel l-għażla t-tajba li jutilizza l-enerġija ta’ Chris Said biex il-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ f’Għawdex. Grima qal li Chris Said hu aktar bżonnjuż f’Għawdex milli bħala Segretarju Ġenerali għax ir-rwol ta’ Segerataju Ġenerali m’għadux importanti ħafna llum. Grima qal li kien għamel l-istess proposta lill-Partit Laburista, liema proposta kienet ġiet milqugħa, filwaqt li sostna wkoll li Giovanna Debono għażlet it-triq onorabbli.

Min-naħa tiegħu, il-Profs Joe Pirotta qal lil The Times of Malta li l-Kap Nazzjonalista għamel sew li aċċetta r-riżenja ta’ Giovanna Debono. Sostna li deċiżjonijiet bħal dawn għandhom isiru f’ambjent politiku normali. Pirotta wkoll faħħar id-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil li jitlob lil Chris Said jiffoka fuq Għawdex, fejn il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jissaħħaħ. Hu sostna li Simon Busuttil għamel l-għażliet it-tajba fiż-żmien li kellhom isiru. Prof Pirotta qal li Simon Busuttil qed jieħu dawn id-deċiżjonijiet skont l-istil ġdid ta’ politika tiegħu ibbażat fuq l-onestà.

U f’kumment fuq Facebook, id-Direttur Maniġerjali ta’ The Malta Independent Pierre Portelli qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien għal darb’oħra ffaċjat b’deċiżjoni iebsa u ħa d-deċiżjoni li tixraq. Portelli sostna li l-istatura ta’ Simon Busuttil qed tkompli tikber.

Capturebkjbvi